Il-President tiftaħ wirja tal-arti f’San Anton

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li ħassitha pprivileġġjata li fetħet il-wirja, tal-artista Maltija-Awstraljana Rita Muscat Galea fil-Palazz ta’ San Anton, Ħ’Attard.
Coleiro Preca faħħret l-inizjattivi tal-Fondazzjoni Maltija tal-Klieb Gwida fl-iżvilupp tas-servizzi li jagħtu aċċess għall-ħajja indipendenti.
L-artista, Rita Muscat Galea, faħħret il-Fondazzjoni għall-kontribut biex il-wirja saret realtà.
Iċ-Chairman, Leone Sciberras qal li f’dawn l-aħħar sentejn il-Fondazzjoni ġabet seba’ klieb gwida biex issa hemm 12-il kelb gwida f’Malta u Għawdex.
Din il-wirja tinkludi 26 kwadru li jivvarjaw minn still-lifes u xeni ta’ ibliet sa xeni ta’ ħdejn il-baħar u portijiet tal-Belt Valletta, Sydney u Melbourne.
Il-wirja se tibqa’ miftuħa sa’ nhar it-Tlieta 24 ta’ Ġunju.