Il-President tiftaħ il-bibien ta’ ‘The President’s Secret Garden’

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fetħet il-bibien ta’ ‘The President’s Secret Garden’. Dan hu proġett parti miċ-‘Children’s Hub’, immirat għat-tfal ta’ kull età organizzat mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.
Il-President għaqqdet dan il-ftuħ mal-Jum Dinji tal-Ktieb biex b’hekk iktar tfal jitrawwmu fil-kotba u fil-qari.
Mijiet ta’ tfal u ġenituri attendew għall-attivitajiet informali u edukattivi li ttellgħu fil-ġnien privat tal-President.
Waqt l-attività l-President spjegat kif dan il-proġett qed isir wara li fis-sajf beda l-proġett ‘Bravi’, programm li jimmira biex jiżra messaġġi pożittivi fit-tfal.
Il-President spjegat kif ‘The President’s Secret Garden’ qed iseħħ wara sensiela twila ta’ konsultazzjoni mat-tfal li talbu għal iktar spazji miftuħa fejn jilgħabu u jimirħu fil-kreattività tagħhom.