Il-President tiċħad li fil-Kitchen Garden hemm ħaddiema bil-prekarjat

Il-President ta’ Malta giddbet artiklu li deher dalgħodu fuq The Sunday Times, dwar li l-ħaddiema fil-Kitchen Garden qed jaħdmu b’mod prekarju. 
Il-ġurnal qed jgħid li l-Uffiċċju tal-President offra kuntratti ta’ impjiegi li fihom hemm kundizzjonijiet prekarji.  Jidher li fost il-ħaddiema li rrifjutaw jiffirmaw il-kuntratti hemm kokijiet, nies oħra li jaħdmu fil-kċina u fil-bar. 
Qed ikun allegat ukoll li fost il-kundizzjonijiet hemm li mhux se jingħataw ebda kumpens għas-sahra li jagħmlu u lanqas jekk jaħdmu fi tmiem il-ġimgħa.  Jidher ukoll li l-ħaddiema ntalbu jħallsu huma stess it-taxxa tad-dħul u anke l-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali. 
B’reazzjoni għal dan kollu, il-President sejħet konferenza tal-aħbarijiet u qalet li l-ħaddiema tal-Kitchen Garden qed igawdu minn kundizzjonijiet aħjar minn dawk li kellhom qabel, jiġifieri li qed jitħallsu għall-ħin tal-preparament, qed jingħataw brejk u ħlas għall-ħidma li ssir wara l-ħinijiet tax-xogħol.  
Meta bdiet din il-Presidenza, instab li minn 26 ħaddiem fil-Kitchen Garden, wieħed biss kellu kuntratt, uħud minnhom ma kinux irreġistrati mal-ETC. 
Marie-Louise Coleiro Preca stqarret li l-pagi ġodda proposti huma l-ogħla mogħtija fl-industrija tal-ostpitalità u l-ikel fil-lukandi b’ħames stilel tal-pajjiż.  
Saħqet li l-abbozz tal-kuntratt li semma l-ġurnal, qatt ma tqassam lill-ħaddiema kiollha u qatt ma daħal fis-seħħ.  Il-President sostniet li ma kinitx taf b’dan l-abbozz tal-kuntratt, u li ratu l-ewwel darba nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Ġunju 2015.     
L-Uffiċċju tal-President qal li “mhux talli ma jeżisti ebda xogħol prekarju fil-Kitchen Garden, talli hemm għadd ta’ ħaddiema nisa li qed jingħataw l-opportunità  ta’ ħinijiet flessibbli biex jibbilanċjaw mad-dmirijiet tagħhom fil-familja.”