Il-President tħeġġeġ lill-midja biex tgħarraf lill-pubbliku dwar l-epilessja

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca talbet lill-midja biex tagħti l-importanza lil għarfien akbar tal-epilessija, minħabba l-fatt li għad hemm ħafna stigma dwar dan is-suġġett.
Hija qalet dal-kliem meta kienet qed tindirizza konferenza nazzjonali dwar l-epilessija organizzata mill-Caritas Malta Epilepsy Association, intitolata Epilepsy: Finding Help.
Barra minn hekk għamlet l-istess appell lill-awtoritajiet, lill-attivisti fis-soċjetà ċivili, lill-professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur u lill-pubbliku.
“Nafu wkoll li ħafna mill-persuni li jintlaqtu mill-epilessija ma jkunux jixtiequ juru li għandhom din il-kundizzjoni. Nemmen li dan għadu jiġri għaliex għad ma hawnx għarfien biżżejjed dwar din il-kundizzjoni”, irrimarkat.
Il-President ħeġġet lill-parteċipanti tal-konferenza biex ikomplu jaħdmu u jmexxu l-kelma, “ħalli jkollna kampanja ta’ għarfien u edukazzjoni b’risq dawn il-persuni milquta.”
Appellat ukoll lill-awtoritajiet governattivi biex jassiguraw li dawn ħutna f’pajjiżna jkollhom mhux biss aċċess għall-kura kif diġà għandhom, iżda wkoll opportunitajiet edukattivi xierqa, u impjieg dinjituż.
Temmet tgħid li huwa essenzjali li tfal li għandhom l-epilessija jkunu integrati tajjeb f’ambjent ta’ tagħlim fl-iskejjel, u li l-edukaturi u min iħaddem ikunu konxji tar-realtajiet tal-epilessija.