Il-President tfaħħar ix-xogħol fost iż-żgħażagħ

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca faħħret ix-xogħol li jsir fost iż-żgħażagħ (youth workers) u tkellmet dwar l-importanza ta’ dan is-settur.
Waqt it-tnedija tal-proġett ‘Bridging the Gap’, tal-Fondazzjoni Internazzjonali Cross Culture, il-President qalet li dan il-proġett juri l-impenn fil-promozzjoni tax-xogħol li jsir fis-settur tax-xogħol fost iż-żgħażagħ.
Saħqet li juri d-dedikazzjoni tagħhom biex jinħolqu spazji sikuri u ta’ rispett li fihom żgħażagħ iħossuhom komdi jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.
Il-President qalet li l-konferenza turi l-viżjoni ta’ Malta għal inklużjoni soċjali u solidarjetà, li hi karatteristika ewlenija tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea li qed issir f’Malta.
Sostniet li l-ispirtu tas-solidarjetà fil-ħidma favur il-paċi, li hi f’qalb l-Unjoni Ewropea, għandha tkompli tiġi riflessa qalb l-istati membri u għandha tkun promossa qalb in-nazzjonijiet kollha.
Il-proġett ‘Bridging the Gap’ se jkun qed jipprovdi taħriġ lil żgħażagħ biex ikunu jistgħu jipparteċipaw iktar fid-dinja tax-xogħol.