Il-President taz-Zambia jitlob biex il-politika lokali tkun “Kristjanizata”

Il-President ta’ Zambia, Edgar Lungu li hu wkoll il-mexxej tal-Front Patrijottiku appella lill-Knisja Anglikana biex “tikkonverti l-politika tal-pajjiż għall-Kristjaneżmu” għax hemm biża’ kbir li l-vjolenza se tħassar l-elezzjonijiet għall-parlament li misennija jsiru fil-5 ta’ Ġunju.
F’indirizz lill-Kattidral Anglikan tas-Salib Imqaddes li jisab fil-kapitali Lusaka, il-President qal li kien kuntent bil-preżenza tal-partiti tal-Oppożizzjoni għas-serivizz liturġiku imma kien inkwetat ħafna bil-kultura ta’ vjolenza li ħakmet lill-pajjiż.
“Dalwaqt se jkollna by-elections f’Chilanga imma n-nies huma lesti li joqtlu lil xulxin biex jeleġġu l-kandidat tagħhom fil-Parlament”, qal Edgar Lungu. “Dan ma għandux jitħalla jsir u għalhekk qed nitlob lill-Knisja biex tkellem lilna l-politiċi biex nitgħallmu nippridkaw lil Kristu u l-imħabba għal xulxin”.
Il-President kien qed jitkellem waqt funzjoni fil-Kattidral biex tfakkar l-40 anniversarju ta’ sħubija fejjieda bejn iċ-Church of England ta’ Bath u Wells u l-ħames djoċesijiet tal-Knisja Kattolika f’Zambia.
Grupp ta’ 28 persuna mid-djoċesi Ngliza marru f’Zambia fuq vjaġġ ta’ ġimgħatejn biex isaħħu r-rabta bejniethom. Grupp miz-Zambia issa mistenni jmur l-Ingilterra fuq vjaġġ simili f’Lulju li ġej.
B’ħarstu fuq il-membri tal-Oppożizzjoni tal-United Party for National Development u l-Moviment Multiparty Democracy li kienu preżenti għal dan is-servizz, il-President Lungu faħħar is-sħubija bejn il-Knejjes ta’ Zambia u l-Ingilterra u qal li dan għandu jservi ta’ eżempju ta’ kif djalogu effettiv jista’ jgħaqqad il-firdiet ġeografiċi u ideoloġiċi.
Il-President appella lil dawk preżenti biex japplikaw is-sens ta’ ġustizzja Kristjana lill-politiċi kollha u ma jkunux imħallfin ħorox ta’ dawk li jqisu bħala rivali tagħhom. “Anke meta żwieġ jitfarrak, it-tort għandu jinqasam fuq ir-raġel u l-mara. U allura anke meta intom tikkritikawni, għandkom tikkritikaw ukoll lill-Oppożizzjoni u uruhom fejn ikunu żbaljati. Il-politiċi ġejjin kemm mill-partiti politiċi kif ukoll mill-Knisja. Aħna lkoll ulied il-Knisja”, temm il-President taz-Zambia.