Il-President tawgura li din is-sena jkompli jissaħħaħ id-djalogu

Fl-okkażjoni tal-iskambju tal-awguri tal-ewwel tas-sena mal-Konsli Onorarji, Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca staqsiet x’se nagħmlu bir-riżultat tal-laqgħat importanti li saru matul is-sena li għaddiet fosthom laqgħat dwar it-tibdil fil-klima imma wkoll il-Valletta Summit u ċ-CHOGM li saru f’Malta.
Coleiro Preca qalet li l-Valletta Summit kien esperjenza fejn Malta reġgħet uriet bil-fatti kif tista’ sservi ta’ pont għad-djalogu fost il-popli.
Qalet li qed tittama li din is-sena tkun waħda fejn dan id-djalogu jkompli jiżviluppa u jissaħħaħ u li Malta tkompli sservi ta’ ċentru tal-paċi.
Il-President ta’ Malta qalet li din is-sena jeħtieġ li jibdew jintlaħqu l-miri għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ħarsien tal-ambjent u l-klima.
Marie-Louise Coleiro Preca elenkat ir-riżultati ekonomiċi tajbin li nkisbu fl-2015 u ħeġġet lill-Konsli biex ikomplu jinkoraġġixxu aktar relazzjonijiet kummerċjali bejn il-pajjiż li jirrappreżentaw u Malta.

Ritratt: DOI – Charles Zammit