Il-President tas-Slovakkja jappella biex issir elezzjoni ġenerali

Il-President tas-Slovakkja Andrej Kiska sejjaħ għal reshuffle fil-Gvern jew inkella elezzjonijiet ġodda biex il-fiduċja tal-poplu fil-politiċi tikber wara l-assassinju tal-ġurnalist Jan Kuciak u s-sieħba tiegħu.
Skont il-BBC, il-Prim Ministru Slovakk Robert Fico ma qabilx mal-President u akkużah li kien qed “jiżfen fuq il-qabar” tal-vittmi.
L-assassinju tal-ġurnalist wassal għal numru ta’ protesti fis-Slovakkja. Huwa kien qed jinvestiga l-korruzzjoni tal-politiċi Slovakki u rabtiet li kellhom mal-Mafja Taljana.
Il-President Kiska sejjaħ għal rekostruzzjoni radikali tal-Gvern, però l-Prim Ministru qal li dan jimmina r-riżultati tal-elezzjoni li saret fl-2016.
Il-President akkuża lill-uffiċjali pubbliċi b’arroganza ta’ poter. Huwa esprima d-diżappunt tiegħu għan-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern biex jerġa’ jibni l-fiduċja tal-pubbliku. Il-President qal li se jkun qed jiltaqa’ mal-partiti politiċi biex tinstab soluzzjoni.
Fico qal li kull tibdil fil-Gvern għandu bżonn qbil mal-koalizzjoni tiegħu. Żied jgħid li l-kostituzzjoni tas-Slovakkja ma tirrikonoxxi l-ebda rwol tal-President.
Il-Prim Ministru Slovakk qal li l-għan tal-Gvern huwa li ssir investigazzjoni ta’ dan l-att brutali. Qal li mhux se jkun qed jiżfen fuq il-qabar tal-vittmi bħal ma għamlu l-oppożizzjoni, il-midja, u l-President.