Assassinju ġurnalist: Jirriżenja l-PM Slovakk

Il-President tas-Slovakkja Andrej Kiska aċċetta r-riżenja tal-Prim Ministru Slovakk Robert Fico wara l-qtil tal-ġurnalist investigattiv Jan Kuciak.
Il-President talab lid-Deputat Mexxej biex jifforma Gvern ġdid filwaqt li l-mexxejja poltiċi ppruvaw inaqqsu l-kriżi li qamet fil-pajjiż wara l-qtil ta’ Kuciak.
Aktar kmieni llum, id-Deputat Prim Ministru tas-Slovakkja Peter Pellegrini ppreżenta lilu nnifsu bħala kandidat sabiex imexxi l-Gvern Slovakk wara li jirreżenja l-Prim Ministru.
Dan wara li lbieraħ, il-Prim Ministru tas-Slovakkja qal li lest jirreżenja jekk il-President jaċċetta li l-koalizzjoni preżenti tibqa’ tiggverna mingħajr bżonn ta’ elezzjoni bikrija.
Il-President Kiska għadu ma ħariġx stqarrija uffiċjali dwar l-offerta.
Min-naħa l-oħra, il-Partit fil-koalizzjoni li tifforma l-Gvern Slovakk qal li l-President Slovakk Andrej Kiska jaqbel mar-riżenja tal-Prim Ministru Robert Fico.
Il-Kap tal-Partit Most-Hid qal li l-President ġie nfurmat bid-deċiżjoni li ttieħdet bejn it-tliet partiti tal-koalizzjoni. Waqt konferenza tal-aħbarijiet qal li se jkun hemm riżenja u li l-partit Smer se jkun qed jagħżel il-Prim Ministru l-ġdid. Żied jgħid li l-President aċċetta dan.
It-Tnejn li għadda rriżenja l-Ministru tal-Intern Slovakk Robert Kaliňák hekk kif il-kriżi politika fis-Slovakkja qed tkompli tintensifika.
Il-ġimgħa li għaddiet irriżenja l-Ministru għall-Kultura Marek Maďarič u qal li għamel dan għax qal li ma jridx jiffaċċja l-assassinju ta’ ġurnalist waqt il-mandat tiegħu bħala Ministru.
Fil-jiem ta’ wara rriżenja wkoll iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Slovakk Roman Šipoš.
S’issa ħa ma tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Kuciak u tas-sieħba tiegħu.
Storja u ritratt: Reuters