Il-President taqsam dak li tniggiżha l-kuxjenza dwaru

Il-President Marie Louise Coleiro Preca dalgħodu għamlet l-aħħar diskors tagħha ta’ Jum ir-Repubblika. Esprimiet li tħossha privileġġata u onorata li qed taqsam dak li l-kuxjenza tagħha tniggiżha dwaru.

“Bżonn ta’ eżami tal-kuxjenza għal min jidħol fil-ħajja pubblika”

Fid-diskors tagħha, il-President saħqet li mingħajr ma tipponta subgħajha lejn ħadd, temmen li għandu jsir eżami tal-kuxjenza biex jiġi żgurat li kull min jidħol fil-ħajja pubblika, jifhem li r-responsabbiltà hi ċara, li jkun ta’ servizz ġenwin għan-nies u għall-pajjiż.

Sostniet li temmen li dawk kollha fil-ħajja pubblika għandhom ikunu persuni etiċi, ikunu ta’ eżempju u ta’ ġieħ għall-poplu waqt li jżommu isem Malta ‘l fuq. Irrimarkat li jekk dan ma jseħħx, issir ħsara kbira lir-reputazzjoni tal-Maltin u ta’ Malta. Kompliet tgħid li l-poplu Malti jixraqlu li jkollu nies ta’ valuri fil-ħajja pubblika, biex il-Maltin u Malta jingħataw servizz ġenwin u l-aqwa ġieħ.

Esprimiet is-sodisfazzjon tagħha dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, għax fi kliemha dan ifisser li mhux biss qed naċċettaw li jrid ikun hemm standards, imma wkoll li se jkun hemm min qed jiffoka ta’ kuljum, fuq l-istandards xierqa li jridu jħaddnu dawk li jidħlu fil-ħajja pubblika.

“Kunu rispettużi meta tużaw il-midja soċjali”

Coleiro Preca appellat lil kull min hu fil-ħajja pubblika biex ikun meqjus u rispettuż fil-mod kif juża l-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, għax hu fid-dmir li jagħti l-eżempju. Saħqet li d-dritt tal-libertà tal-espressjoni hu sagru f’demokrazija sħiħa li taħdem, iżda li ma jfissirx li jista’ jiġi abbużat.

“Meta llum kulħadd iħoss li sar ġurnalist, għax jista’ jgħaddi l-fehmiet tiegħu permezz ta’ kwalunkwe mezz tal-komunikazzjoni moderna, b’xi wħud, li sfortunatament jabbużaw minn dawn il-mezzi tajbin, mingħajr ma jqisu l-konsegwenzi, il-midja għandha aktar responsabbiltà li twassal il-verità”, kompliet tgħid . Enfasizzat li l-fake news sar l-ordni tal-ġurnata, bir-riskju li l-poplu jemmnu u jiġi aljenat mill-verità.

“Id-drittijiet tal-bniedem mhumiex privileġġ ta’ xi wħud, huma anke tal-immigranti”

Il-President saħqet li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem mhumiex xi privileġġ ta’ xi wħud imma drittijiet ta’ kulħadd.  Żiedet tgħid li dawn jirrappreżentaw il-qofol tal-pilastri li fuqhom jistrieħu d-demokrazija sħiħa u l-paċi. Irrimarkat li d-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem hi universali, u għalhekk id-drittijiet ta’ min iżurna, anke tal-immigranti, ikunu mħarsa mingħajr tnikkir jew favuri.

Coleiro Preca nsistiet li ma jkunx hemm demokrazija sħiħa u ħarsien tad-dinjità umana sakemm:

  • jibqa’ tifel jew tifla waħda biss li toħroġ mill-iskola mingħajr il-ħiliet bażiċi;
  • tibqa’ persuna waħda biss tistenna snin għall-ġustizzja;
  • jibqa’ ħaddiem wieħed biss f’xogħol prekarju;
  • tibqa’ persuna waħda biss tistenna għal saqaf dinjituż fuq rasha;
  • tibqa’ familja waħda biss li ma tintrefax mill-faqar relattiv jew assolut;
  • jibqa’ mqar bniedem wieħed biss li jiġi traffikat;
  • tibqa’ mara waħda biss li ġisimha jibqa’ jiġi sfruttat u vjolentat;
  • id-differenza fid-dħul finanzjarju bejn l-irġiel u n-nisa tibqa’ mqar għal mara waħda biss;
  • ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament tibqa’ waħda miżera;
  • il-klijenteliżmu jibqa’ jegħleb il-mertu

Saħqet li l-ekonomija ma tista’ qatt tiċċelebra d-dinjità umana, jekk fil-qalba tagħha ma jkunx hemm għarfien, li dawk li l-iktar għandhom bżonn, jirċievu l-aqwa għajnuna.

“Demokrazija mmanipulata hi falza u perikoluża”

Filwaqt li esprimiet is-sodisfazzjon li Malta hi minn ta’ quddiem fit-tħaddim ta’ teknoloġija innovattiva, Coleiro Preca qalet li temmen li huwa l-waqt li ssir evalwazzjoni serja tal-għarfien u tal-potenzjal tal-poplu f’dan il-qasam.  Saħqet li hemm bżonn li jiġi assigurat li fil-proċess tal-iżviluppi teknoloġiċi importanti ma tinħoloqx esklużjoni soċjali ġdida.

Enfasizzat dwar l-importanza li d-demokrazija ma tiġix immanipulata minn wara l-kwinti, minn kumpaniji li jagħmlu prodott kummerċjali mid-dettalji dwar ħajjitna.

“Demokrazija mmanipulata hi demokrazija falza u perikoluża, għax tiddistingwi bejn klassi superjuri li taf u l-klassi li tgħix il-ħajja bażika ta’ kuljum, mingħajr ma taf”, sostniet Coleiro Preca.

“Tama għal eluf bil-White Paper tal-housing imma…”

Il-President faħħret żviluppi importanti fis-saħħa, tnaqqis fl-istatistika tal-faqar, tnaqqis fl-istatistika ta’ dawk li jitilqu mill-edukazzjoni kmieni, tnaqqis fl-assenteiżmu u żieda f’dawk li jkomplu bl-edukazzjoni tul il-ħajja. Irrimarkat li l-pubblikazzjoni tal-White Paper fil-qasam tal-housing fetħet tama għall-eluf li jinsabu f’qagħda prekarja minħabba l-prezzijiet tal-kiri u l-propjetà. Coleiro Preca rreferiet ukoll għat-tnedija tal-istrateġija nazzjonali għall-integrazzjoni.

Madanakollu insistiet li wieħed għandu jżomm f’moħħu li fadal dawk li għadhom ibatu mill-inugwaljanza soċjali, li 2 minn kull 10 żgħażagħ ħarġu mill-iskola bla ħiliet bażiċi, u li għandu jirranka aktar ix-xogħol marbut mal-housing soċjali.

Għaddiet biex titkellem dwar l-impenn tal-istudenti u ż-żgħażagħ fost l-oħrajn għall-ambjent u s-saħħa mentali. Semmiet li jinsabu mħassba dwar il-futur tal-ambjent f’Malta u inkwetati b’sistema edukattiva stressanti. Irreferiet għall-inizjattivi li l-istudenti nfushom qed jieħdu biex jindirizzaw l-istigma għal dawk bi problemi ta’ saħħa mentali.  Semmiet storja ta’ tfajla li b’qalbha maqsuma rrakkuntatilha quddiem sħabha, kif kienet qed tiġi bullied.

“Kienu jixtiqulha li jaqbadha kanċer”

Tenniet li l-libertà tal-espressjoni ma tistax tiftiehem li tista’ tgħid kollox u kif trid. Fakkret li d-dritt tal-libertà tal-espressjoni jġorr ukoll responsabbiltajiet miegħu u ma jistax jibqa’ jiġi abbużat.

“Żguraw li l-edukaturi jkunu mwennsin bl-aqwa riżorsi”

Il-President appellat lill-awtoritajiet biex jiżguraw li l-edukaturi jkunu mwennsa bl-aqwa riżorsi u b’sistemi ta’ appoġġ tal-aqwa kwalità.

Esprimiet ukoll tħassib serju li aktar ma l-mara teduka ruħha aktar tikber id-differenza fid-dħul finanzjarju bejn l-irġiel u n-nisa. “Inkwetanti li aktar edukazzjoni tista’ tfisser aktar diskriminazzjoni”, żiedet tgħid.

 “Kulħadd mistieden jipparteċipa fir-riforma kostituzzjonali”

Dwar ir-riforma kostituzzjonali, il-President qalet li jidher li l-partiti politiċi ewlenin, wara tant snin ta’ wegħdi repetuti, jidher li mill-kliem se jgħaddu għall-fatti. Fissret kif laqgħet b’entużjażmu l-aħbar tan-nomina tar-rappreżentanti tal-partiti ewlenin fil-Parlament, għal dak sejħitlu steering committee għar-riforma kostituzzjonaliColeiro Preca stqarret li tixtieq isserraħ moħħ kulħadd, li l-proċess għar-riforma se jkun eżerċizzju li kulħadd mistieden jipparteċipa fih.

“Inutli nappellaw biex il-poplu ma jaqax għall-populiżmu…”

Il-President Coleiro Preca tkellmet ukoll dwar l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew is-sena d-dieħla. Insistiet li inutli jsiru appelli biex il-popli ma jaqgħux għall-popluliżmu f’jum il-votazzjoni. Spjegat kif meta l-gvernijiet jabbandunaw li jħarsu l-ġid komuni u jiftħu beraħ għall-akkumulazzjoni privata tal-qligħ biss, il-popli mhux biss jitilfu l-fiduċja fil-klassi politika stabbilita, imma jfittxu l-kenn tal-popolisti.

“Meta l-Ewropa soċjali qiegħda ssir dejjem aktar Ewropa ekonomika, mhux aċċettabbli li, wieħed minn kull erba’ Ewropej għadhom jgħixu fil-faqar, u maqtugħin minn dawk is-servizzi li l-Ewropa tant kienet tiftaħar bihom”, stqarret Coleiro Preca.