Il-President tappella għal toroq iktar sikuri

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li tħoss dieqa kbira kull meta jkun hemm l-aħbar li t-toroq Maltin ħasdu l-ħajja ta’ persuna.
Fil-jum li qed ifakkar il-memorja ta’ dawk kollha li tilfu ħajjithom f’inċident tat-traffiku, il-President sostniet li tixtieq tieħu din l-opportunità biex tappella lil kulħadd biex jagħmel il-parti tiegħu, sabiex inwaqqfu t-telf tat-telf ta’ ħajja bla bżonn, u bosta drabi, f’età żagħżugħa.
Ħeġġet lil kulħadd biex ningħaqdu flimkien ħalli nassiguraw li t-toroq Maltin ikunu iktar sikuri u tajbin. Qalet li r-responsabbiltà mhix biss tas-sewwieqa, iżda wkoll ta’ dawk li jagħmlu l-liġijiet, ta’ dawk li jippjanaw it-toroq, ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, tal-edukaturi u tal-pubbliku inġenerali.
Il-President ta’ Malta rringrazzjat lill-Emergency Physician Response Unit, lit-tim tal-Protezzjoni Ċivili u lill-Pulizija, li jaslu mill-ewwel fuq il-postijiet tal-inċident. Saħqet li dak li jagħmlu mal-vittmi fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom hu imprezzabbli.
Temmet billi indirizzat lill-dawk il-familji kollha li tilfu persuna għażiża għalihom f’inċident tat-traffiku, u filwaqt li qalet li tifhem li xejn ma jista’ jsabbarhom, ħeġġithom ikomplu jgħożżu l-memorji sbieħ li qasmu mal-persuna li tilfu. Qaltilhom jagħmlu kuraġġ, u sostniet li huma jibqgħu fi ħsibijietha u f’qalbha.