Il-President tappella għal riċerka dwar il-fatturi soċjali u l-obeżità

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li hemm bżonn ta’ aktar riċerka dwar il-fatturi soċjali li qed jaffettwaw l-obeżità f’Malta.
Il-President Coleiro Preca kienet qed titkellem waqt il-ftuħ ta’ seminar bit-tema ‘L-Ikel: Bżonn, Pjaċir jew Problema’, organizzat mid-Dipartiment tal-Occupational Theraphy fi ħdan l-Isptar Monte Karmeli flimkien ma’ Dar Kenn għal Saħħtek.
Il-President spjegat kif ir-riċerka tgħinna biex niżviluppaw ħidma aktar interdixxiplinarja biex jintlaħqu l-miri aħjar.
Sostniet kif ħafna professjonisti kliniċi f’pajjiżna jemmnu bi sħiħ f’sistema inter-dixxiplinarja u kif anki din qed tiġi addottata f’Dar Kenn għal Saħħtek.
Il-President faħħret il-mod kif ġewwa din id-dar qed jingħataw servizzi ħolistiċi u spjegat kif fi żjara li għamlet riċentament, rat il-kuraġġ u d-determinazzjoni li qed tinbena fost il-pazjenti, permezz tat-terapija li qed tingħatalhom.
Il-President irrikonoxxiet iż-żieda fl-għarfien dwar l-obeżità u l-eating disorders, speċjalment fl-iskejjel iżda dan irid jiġi riflesss ukoll fid-dar u mhux jieqaf mal-bibien tal-iskejjel.
Il-President ta’ Malta temmet tappella lill-istakeholders kollha f’dan il-qasam biex ifittxu soluzzjonijiet ġodda u innovattivi biex filwaqt li jkunu t’appoġġ u servizz għall-pazjenti, jingħaqdu kollha flimkien ħalli jingħelbu l-isfidi soċjali u finanzjarji li għandu pajjiżna marbuta mal-obeżità u l-eating disorders.