Il-President tappella għal inqas dewmien fil-qrati

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca appellat biex jitnaqqas id-dewmien fil-Qorti f’każijiet ta’ droga.
Waqt diskors fiċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni ‘Dak li Tiżra’ Taħsad’ f’San Blas, il-President Coleiro Preca appellat lill-awtoritajiet sabiex jitnaqqas id-dewmien fil-proċeduri tal-Qrati. Qalet li dan id-dewmien jista’ jtellef lil dawk li jiggradwaw minn programmi ta’ riabilitazzjoni.
Saħqet ukoll dwar l-importanza li meta persuna tlesti b’suċċess programm ta’ rijabilitazzjoni, ma jkollhiex il-kondotta tagħha mċappsa.
Qalet li s-sitwazzjoni preżenti tista’ twassal biex il-kondotta mċappsa tkun ta’ xkiel għall-opportunitajiet ta’ xogħol u għad-dinjità tal-bniedem.
Spjegat li min iħaddem ma għandux jibża’ jagħti opportunità ta’ xogħol lill-persuni li jkunu għarfu t-triq dinjituża għal ħajjithom.
Il-President Coleiro Preca spjegat kif il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà għandha fi ħdanha Ċentru ta’ Ħelsien mill-Vizzji, bil-għan li tiġġieled dik li sejħet bħala s-“susa soċjali” li qed therri l-fibra tal-familji.