Il-President Taljan mhux se jċedi postu

Il-President Taljan Giorgio Napolitano qal li mhuwiex se jċedi postu kmieni biex b’hekk jingħata bidu għall-elezzjonijiet Parlamentari ġodda. Dan wara li huwa ma rnexxilux jifforma gvern ġdid fil-ġimgħa li għaddiet minkejja t-tentattivi kollha li għamel.

Il-President ta’ 87 sena qal li huwa se jkompli jaħdem b’ħiltu kollha sal-aħħar tal-mandat tiegħu biex ikun hemm qbil bejn it-tliet partiti li l-iktar li ġabu voti fl-elezzjonijiet li saru x-xahar li għadda.

Huwa qal li se jsejjaħ lil żewġ gruppi żgħar t’esperti biex jifformolaw proposti għal riformi istituzzjonali, soċjali u ekonomiċi li jistgħu ikunu sostnuti mill-partiti politiċi kollha.

It-terminu ta’ Napolitano jagħlaq fil-15 ta’ Mejju.