Il-President Taljan jintervjeni fil-kriżi tal-immigrazzjoni, Salvini urtat

Il-President Taljan Sergio Mattarella esprima t-tħassib tiegħu dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni mal-Prim Ministru Giuseppe Conte.

F’intervent li qed jitqies bħala rari fil-politika Taljana, il-President Mattarella kkuntattja lill-Prim Ministru Conte biex iwaqqaf tilwima li qed sseħħ fi ħdan il-koalizzjoni dwar dgħajsa tal-immigranti. Dan l-indħil mill-President frustra lill-Ministru tal-Intern lemini Matteo Salvini.

F’kuntatt li għamel mal-Prim Ministru Conte, l-Ħamis, Mattarella tkellem dwar il-qagħda mwiegħra tas-67 immigrant li ġew salvati fuq il-baħar u li ddaħħlu f’port fi Sqallija.

Il-bastiment kien iddaħħal fil-port ta’ Trapani bl-approvazzjoni tal-Ministru tat-Trasport Danilo Toninelli, iżda Salvini ordna li ħadd ma għandu jħalli d-dgħajsa sakemm l-imġiba vjolenti minn uħud mill-immigranti tkun ġiet investigata.

Salvini qal li sar jaf bil-pass tal-President b’”dispjaċir u sorpriża”.