Il-President Taljan jikkunsidra li jifforma Gvern ġdid ieħor ta’ koalizzjoni

Sforz il-kriżi politika fl-Italja, il-President Taljan Giorgio Napolitano saħaq li qed jikkunsidra l-possibiltajiet kollha wara li l-ħames Ministri mill-partit tal-eks Prim Ministru Silvio Berlusconi rriżenjaw mill-Gvern ta’ koalizzjoni tal-Prim Ministru Enrico Letta.

Il-President Taljan żied jgħid li se jipprova jifforma Gvern ġdid ta’ koalizzjoni u għalhekk ma jkunx hemm il-bżonn li fl-Italja tissejjaħ elezzjoni.

Il-President Giorgio Napolitano żied jgħid li jrid Parlament li jiddiskuti u jaħdem u mhux Parlament li ħin kollu jieqaf minn żmien għall-ieħor.

Ta’ min jgħid li l-Gvern ta’ koalizzjoni fl-Italja ilu fis-seħħ minn Frar wara li l-elezzjonijiet ma taw l-ebda konklużjoni, u dan fiż-żmien meta l-ekonomija Taljana, li hija t-tielet l-akbar fiz-zona ewro, tinsab f’diffikultajiet.

Din il-kriżi politika jista’ jkollha effetti negattivi fir-riformi li hemm bżonn fl-Italja biex il-pajjiż ikun jista’ jlaħħaq mad-dejn u r-riċessjoni, kif ukoll mal-qgħad dejjem jiżdied b’mod partikolarment fost iż-żgħażagħ.