Il-President Taljan jappella għar-responsabbiltà

Il-President Taljan Giorgio Napolitano appella lil mexxejja tal-partiti politiċi Taljani biex ikunu responsabbli u jintlaħaq ftehim dwar ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali.

Dan wara li ġimgħa wara li saret din l-elezzjoni, it-tliet partiti li kisbu l-aktar voti għadhom ma laħqux ftehim bejniethom.

Il-mexxej tal-Five Star Movement, Beppe Grillo, irrifjuta alleanza mal-gruppi ċentru-xellugi u ċentru-lemini. Madanakollu, hu ppreparat li jifforma koalizzjoni fuq bażi ta’ vot b’vot. Dan filwaqt li l-mexxej tal-Partit Demokratiku Pier Luigi Bersani nsista li ma jridx jingħaqad f’koalizzjoni mal-partit ċentru-lemini immexxi minn Silvio Berlusconi.

Dan l-istaġnar politiku qed ikompli jżid il-pressjoni fuq l-ekonomija fraġli tal-Italja u qed joħloq ansjetà fiż-żona Ewro.

Fl-elezzjoni ġenerali tal-Italja, il-partiti ta’ Berlusconi u Bersani kisbu 117-il siġġu kull wieħed fis-Senat filwaqt li Grillo kiseb 54 siġġu. Fil-Kamra tad-Deputati, Bersani kiseb 349 siġġu, Berlusconi kiseb 125 siġġu u Grillo kiseb 109 siġġijiet.