Il-President tal-Venezwela jakkuża 2 Isqfijiet li xerrdu l-mibegħda

L-Isqfijiet Kattoliċi fil-Venezwela qed isemmgħu leħinhom b’difiża għal żewġ Isqfijiet sħabhom li qed ikunu akkużati mill-President Nicolas Maduro li fl-omeliji li għamlu fl-14 ta’ Jannar, festa Marjana popolari fil-pajjiż, ħeġġew lin-nies għall-mibegħda.
Anke l-Papa Franġisku wera l-appoġġ tiegħu u għamel telefonat privata lil wieħed mill-Isqfijiet li qed ikunu akkuzati li qed ixerrdu l-mibegħda.
L-għada tal-imsemmija festa waqt li l-President Maduro kien qed jindirizza l-Assemblea Kostitwenti għamel sejħa lill-Qorti Suprema tal-pajjiż u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku biex jinvestigaw lill-Arċisqof Antonio Lopez Castillo u lill-Isqof Victor Hugo Basabe fuq akkużi ta’mibegħda.
Fl-Omeliji tagħhom li jittellgħu fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Konferenza Episkopali, iż-żewġ Isqfijiet talbu li jkun hemm waqfien mill-ġuħ u l-korruzzjoni li ħakmu lill-pajjiż fl-aħħar snin.
L-Isqof Basabe fost affarijiet oħra ħeġġeġ lin-nies biex ma jsegwux lil min qed jiċħad li fil-pajjiż hemm il-korruzzjoni u l-ġuħ. Hu appella biex jinħolqu kurituri umani biex jitwasslu l-ikel u l-mediċini li dawk li għandhom bżonnhom.
Għall-President Maduro dawn l-omeliji huma prova li “x-xitan jilbes is-suttana u jsejjaħ għall-konfrontazzjoni vjolenti u gwerra ċivili”. 
Iż-żewġ Isqfijiet ċaħdu din l-akkuża immedjatament.