Edgar Lungu, il-President ta’ Zambia kellem lill-Isqfijiet ta’ pajjiżu li flimkien ma’ dawk tal-Malawi u z-Zimbabwe kienu qed jiltaqgħu f’Lusaka għall-ewwel Laqgħa Konsultattiva tal-Isqfijiet Kattoliċi tar-reġjun. Hu esprima s-sodisfazzjon għall-ħidma tal-Knisja Kattolika.
Il-President Lungu qal li “l-Knisja Kattolika kienet sieħeb li l-Gvern jista’ jafda u joqgħod fuqu fil-qasam tas-servizzi soċjali, l-iżvilupp, governanza inklussiva, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet umani”.
Meta rriferea b’mod speċifiku għas-sitwazzjoni f’Zambia, il-President qal li l-Gvern tiegħu kien grat ħafna għas-servizzi soċjali li l-Knisja Kattolika tipprovdi fil-pajjiż.
“Fil-fatt il-Knisja dejjem kienet tipproponi l-paċi u l-għaqda kemm bejn l-insara kif ukoll fil-pajjiż kollu. Il-Knisja għamlet passi kbar biex tgħin lil kulħadd f’dan il-pajjiż u tindirizza l-ħtiġijiet tal-poplu tagħna b’mod holistiku. Dan jista’ jarrah kulħadd. Wieħed jista’ jmur f’kull rokna ta’ dan il-pajjiż, kemm f’żoni rurali kif ukoll urbani u jara x-xogħol ta’ min ifaħħru li l-Knisja qed tagħmel biex tgħin lill-poplu.
“M’hemm post fejn ma ssibx skola jew faċilità medika immexxija mill-Knisja Kattolika. Għalhekk, il-Gvern tiegħi hu grat ħafna u japprezza ir-rwol pożittiv li l-Knisja Kattolika qed taqdi biex tikkumplimenta l-isforzi tal-Gvern fl-iżvilupp nazzjonali”, qal il-President.
Kollaborazzjoni
Fl-Omelija li għamel fil-Quddiesa tal-bidu tal-laqgħa tal-Isqfijiet, in-Nunzju Apostoliku qal li Alla kontinwament iżur lill-poplu tiegħu.
L-Arċisqof Gianfranceo Gallone qal li din il-laqgħa tal-Isqfijiet mit-tliet pajjiżi ġirien kienet sinjal li Ala qed iżurhom.
“Illum, din iż-żjara divina qed issir f’Lusaka fejn il-Mulej qed jarana miġbura biex infasslu azzjoni aktar dinamika ta’ Evanġeliżazzjoni u kollaborazzjoni pastorali u missjunarja akbar u aħjar bejn Zambia, Malawi u Zimbabwe.
Dan kollu qed isir filwaqt li nżommu f’moħħna id-Dokument tal-Papa Franġisku, “Evangelii Gaudium” fejn l-Isqof hu dejjem imħeġġeġ biex jaħdem favur l-għaqda missjunarja.
Rabtiet kulturali u storiċi
F’intervista lill-istazzjoni televiżiv Lumen TV, is-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza Episkopali ta’ Zambia, Fr. Cleophas Lungu qal li t-tliet pajjiżi iħossuhom miġbuda lejn xulxin għax għandhom ħafna affarijiet komuni, storikament, kulturalment u ekklesjastikament.
“Irridu nirrikonoxxu tliet fatturi. Fundamentalment, għandna rabtiet storiċi qawwija u għandna ħafna affarijiet komuni fejn tidħol il-kultura. Din il-laqgħa hi frott ta’ azzjoni bejn it-tliet djoċesijiet fuq skala iżgħar. Irrealizzajna li t-tliet pajjiżi tagħna qed jiffaċċjaw l-istess sfidi ekonomiċi, politiċi u pastorali”, qal Fr. Lungu.
Fr. Lungu żied jgħid li l-laqgħa ta’ tliet ijiem tal-Isqfijiet kellha tfassal mod ta’ kollaborazzjoni futura bejn it-tliet pajjiżi.