Il-President ta’ Malta żżur anzjani ta’ 100 sena u iktar

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca żaret tliet anzjani fid-dar tal-anzjani taż-Żejtun, fosthom lil  Anthony Paul  Bilocca li se jagħlaq 102 sena. 
Fl-istess dar, il-President awgurat lil żewġ nisa anzjani oħra li għalqu jew se jagħlqu 100 sena – Dolores Falzon u Frances Grima.
Il-President ta’ Malta awgurat iktar saħħa u barka lill-anzjani preżenti, u qalet li s-soċjetà għandha bżonn ħafna l-kontribut tal-anzjani. Hi appellat biex dawn jiżirgħu iktar imħabba fil-komunità. 
Il-President spjegat il-ħidma tal-Presidenza bl-impenn li ġġib lil kulħadd flimkien biex fost affarijiet oħra, tingħata għajnuna lill-vulnerabbli u titkattar il-mentalità li fil-pajjiż jinżera’ iktar l-ispirtu ta’ solidarjetà.
Is-Segretarju Parlamentari għal Anzjanità  Attiva Justyne Caruana semmiet kif ilbieraħ kien il-Jum Internazzjonali tal-Anzjani.
Hi ħeġġet lill-anzjani biex jieħdu sehem u jkunu fuq quddiem biex jattwaw l-istrateġija tal-anzjanità attiva.
Ħabbret kif minn hawn u ftit ġimgħat oħra se jkun hemm attività għaċ-ċentinarji kollha tal-pajjiż.
Waqt l-attività l-Kap Eżekuttiv ta’ Caremalta ppreżentat donazzjoni ta’ €11,000 b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott