Il-President ta’ Malta tniedi l-kampanja tal-Piggy Bank għall-Istrina

Tnediet il-11-il edizzjoni tal-kampanja tal-Istrina BOV Piggy Bank mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u s-Sur Edgar Preca fil-Palazz Verdala.
Dan huwa l-ewwel stadju fil-kampanja li tilħaq il-qofol tagħha fis-26 ta’ Diċembru meta s-somma miġbura tiġi ppreżentata fl-Istrina.
Matul din il-kampanja jitqassam karus f’kull klassi ta’ kull skola Primarja u Sekondarja f’Malta u Għawdex. 
Il-President ta’ Malta indirizzat lill-Prinċipali u lill-Kapijiet tal-iskejjel filwaqt li ħeġġithom biex jipparteċipaw b’mod attiv f’din il-Kampanja.
Hija spjegat li l-iskejjel iridu jkomplu jrawmu fit-tfal il-bżonn li nuru solidarjetà ma’ xulxin. 
Ix-xogħol f’din il-kampanja ilu li beda xhur ilu, meta numru ta’ volontiera mill-Malta Girl Guides ingħaqdu flimkien biex inaddfu l-karusijiet, iqassmuhom skont in-numru ta’ skejjel u jippreparawhom f’kaxxi sabiex jitqassmu. 
It-tqassim tal-karusijiet jinvolvi l-għajnuna ta’ numru ta’ volontiera, li flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta jżuru l-iskejjel kollha biex iqassmuhom u wara jerġgħu jiġbruhom bid-donazzjonijiet.

Ritratt: DOI – Reuben Piscopo