Il-President ta’ Malta tippreżenta mediċina ta’ €1.2m lill-Gvern għall-Hepatitis C

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, ippreżentat mediċina tal-Hepatitis C b’xejn lill-Gvern, b’valur tas-suq ta’ €1.2 miljun.
Il-President ta’ Malta qalet li l-mediċina nxtrat wara sena u nofs ta’ negozjati mal-aġenti f’Malta, A M Mangion, u l-kumpanija dinjija Gilead, li żviluppat u tipproduċi din il-mediċina.
Spjegat li n-negozjati saru f’Malta u barra minn Malta hekk kif iddeskriviet il-prezz li tħallas bħala wieħed “straordinarju”.
Hi u tippreżenta l-mediċina lis-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne, Marie-Louise Coleiro Preca ddeskriviet il-mediċina bħala waħda li tikkura kompletament il-Hepatitis C.
Qalet li hu ta’ soddisfazzjon li l-Gvern ta widen għall-appelli tagħha u tal-Malta Community Chest Fund, biex din il-mediċina tibda tingħata mill-Gvern mill-iskema tas-saħħa.
Spjegat li għall-aħħar 10 snin, kienet il-Malta Community Chest Fund li ssupplixxiet il-mediċina lil dawk morda b’din il-marda. 
Ritratt: OPR