Il-President ta’ Malta jippresedi The Malta Businesswoman of the Year Awards

Ritratt: OPR

The Malta Businesswoman of the Year Awards huma premjijiet li jservu ta’ opportunità eċċellenti biex nirrikonoxxu d-determinazzjoni tan-nisa sabiex jinħelsu mill-aspettattivi soċjokulturali u r-rwoli assoċjati mas-sessi u minflok jibdew vjaġġ imprenditorjali u javvanzaw għall-ogħla pożizzjonijiet fil-kumpanija fejn jaħdmu. Stqarr dan il-President George Vella waqt iċ-ċerimonja ta’ The Malta Businesswoman of the Year Awards.

Il-President fisser bħala inkoraġġanti ħafna l-fatt li n-numru ta’ nisa li għandhom pożizzjonijiet għolja fis-settur pubbliku, li issa jammonta għal 46 fil-mija, ċifra li rdoppjat fl-aħħar seba’ snin. Fid-diskors tiegħu, huwa stqarr li jittama li dan ikun ta’ eżempju u li s-settur privat jaspira wkoll li jilħaq tali miri. Fuq kollox, awgura li aktar kumpaniji jintroduċu miżuri favur il-familja u skemi ta’ tagħlim matul il-ħajja kollha li jippromwovu l-bilanċ bejn is-sessi u opportunitajiet indaqs.

Min-naħa tagħha, Caroline Buhagiar Klass, Kap tar-Riżorsi Umani u s-Sostenibbilità Korporattiva f’HSBC Malta qalet li n-nominati ta’ din is-sena wrew li l-komunità Maltija hija rikka fl-istejjer ta’ suċċess tan-nisa u tittama li aktar nisa jkunu ispirati mir-rebbieħa ta’ din iċ-ċerimonja.

The Malta Businesswoman of the Year Awards tnedew fl-2018 bil-għan li jirrikonoxxu lin-nisa u l-irwol tagħhom fid-dinja tan-negozju.

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.