Il-President se jindirizza manifestazzjoni favur il-ħajja

Aġġornat 08:38 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

Nhar il-Ħadd li ġej il-President ta’ Malta Dr George Vella, se jkun qed jindirizza l-manifestazzjoni favur il-Ħajja organizzata mill-Malta Unborn Child Platform – MUCP.

Il-President Vella se jkun wieħed mill-mistiedna li se jitkellem kontra l-abort. Huwa tkellem diversi drabi li huwa favur il-ħajja u kontra l-abort. Żied li jekk waqt il-presidenza jkun affaċjat b’liġi dwar l-abort, jirreżenja minn President.

Il-programm għal din l-attività se jibda fil-11am b’quddiesa mmexxija mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta. F’12pm se tibda l-manifestazzjoni favur il-ħajja fl-Oratorju tal-Kon-Katidral.

F’din il-manifestazzjoni, apparti l-President George Vella se jkunu qed jitkellmu diversi għadiet li huma favur il-ħajja.

Il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara aktar minn darba li huwa kontra l-abort. F’intervista ma’ Newsbook.com.mt fil-kampanja għall-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Abela kien iddikjara li huwa kontra l-abort.

Wieħed jista’ jżomm ruħu aġġornat dwar fin l-attività billi jagħfas hawn.

Vella se jmur quddiesa favur il-ħajja mhux jorganizza manifestazzjoni – l-Uffiċċju tal-President

Il-President se jkun qed jattendi quddiesa favur il-ħajja u mhux se jagħmel manifestazzjoni pubblika fi Frar, skont l-Uffiċċju tal-President.

L-Uffiċċju tal-President ħareġ stqarrija b’reazzjoni għal dak li qalet l-għaqda Voice for Choice.

Voice for Choice, għaqda favur l-għażla dwar l-abort, qalet li Vella kien se jindirizza attività kontra l-abort fit-2 ta’ Frar. Allegat li kien se jaqsam podium ma’ individwi u entitajiet li jaħdmu kontra d-drittijiet ċivili inkluż dawk tal-LGBT u tal-IVF.

Voice for Choice qalet li l-indirizza ta’ Vella jgħati prominenza lill-ideoloġiji tal-lemin estrem. Appellat lil Vella biex ma jassoċjax ruħu ma’ dawn l-għaqdiet.

L-Uffiċċju tal-President qal li Vella “qatt ma kien parteċipi ma’ ebda grupp, lemini jew xellugi, li kien kontra d-drittijiet ċivili bħad-divorzju, l-IVF u l-LGBTIQ. Tali allegazzjonijiet huma kompletament bla bażi.”

“L-Uffiċċju tal-President itenni li l-President qatt ma sab diffikultà li jkun ċar dwar x’jaħseb fuq id-dritt għall-ħajja. Din il-pożizzjoni hi magħrufa u mhix se tinbidel. L-allegazzjonijiet ta’ Voice for Choice huma żbaljati għax l-Uffiċċju tal-President ma ftiehemx li jagħmel xi manifestazzjoni pubblika dwar dan is-suġġett.”

Skont l-Uffiċċju, fit-2 ta’ Frar 2020, il-President se jattendi għal quddiesa favur il-ħajja, “kif għamlu presidenti ta’ qablu, sena wara sena. Wara l-quddiesa, hu ppjanat li titkompla l-attività fl-Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.”

Dan l-artiklu ġie aġġornat fit-28/01/2020