Il-President se jattendi għall-kommemorazzjoni tal-ħelsien ta’ Auschwitz

Read in English.

Il-President George Vella se jkun qed jattendi għall-kommemorazzjoni tal-ħelsien tal-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz-Birkenau.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-President qal li Vella ħalla Malta għall-Polonja llum.

Għada jaħbat il-75 sena mindu seħħ dan l-avveniment li se jitfakkar b’ċerimonja simbolika fi Krakovja, quddiem id-daħla tal-kampijiet tal-konċentrament. KL Auschwitz kien l-akbar kamp tal-konċentrament tan-Nazi Ġermaniża. Aktar minn 1.1 miljun persuna inkluż tfal tilfu ħajjithom fil-kamp.

“Fost il-vittmi li l-iktar jissemmew li nqatlu f’Auschwitz-Birkenau kien hemm Lhud, żingari, u priġunieri minn 20 pajjiż differenti,” qal l-Uffiċċju tal-President.

Iktar minn 50 kapijiet ta’ stat u mexxejja dinjin se jattendu għal din iċ-ċerimonja, fosthom il-President George Vella li se jkun qed imexxi delegazzjoni Maltija. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo se jkun preżenti.

Waqt li se jkun il-Polonja, il-President Vella se jkollu laqgħat mal-Arċisqof ta’ Krakovja, Marek Jedraszewski, kif ukoll mas-Sindku ta’ Krakovja, Jacek Majchrowski. Vella se jkun qed jindirizza lill-istudenti f’waħda fl-Università ta’ Jagiellonian.

Dolores Cristina se tkun qed isservi fil-kariga ta’ Aġent President.