Il-President sab li maġġoranza tal-MPs iridu jneħħu lil Delia – sorsi

Il-President mistenni jikkomunika ma’ Delia

Read in English.

Il-President qal lil sorsi li teżisti maġġoranza ta’ deputati tal-Oppożizzjoni għat-tneħħija ta’ Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni. Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-President George Vella kkonferma n-numri li dehru fir-rapporti tal-aħbarijiet fl-aħħar jiem u qal li hemm maż-żewġ terzi tad-deputati tal-Oppożizzjoni li esprimew rwieħhom miegħu li m’għandhomx fiduċja fil-Kap attwali tal-Oppżozzjoni.

Intant, il-President mistenni li jikkomunika ma’ Delia dwar id-deċiżjoni tiegħu għal din is-sitwazzjoni. Jekk il-komunikazzjoni ssir illum dan ma jibqax Kap tal-Oppożizzjoni. Sal-ħin tal-pubblikazzjoni, l-uffiċċju tal-President għadu ma tax indikazzjoni dwar meta se jsir dan.

Is-sorsi li tkellmu magħna mhux infurmati jekk il-Presdient iddeċidiex li jaħtar lil xi ħaddieħor minflok Delia hekk kif fil-jiem li għaddew ġiet innominata Therese Comodini Cachia biex tmexxi l-Oppożizzjoni.

Fil-jiem li għaddew tliet esperti legali taw l-opinjoni tagħhom dwar x’għandu jsir. Dawn kienu l-eks Imħallef fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem Giovanni Bonello, il-Professur Kevin Aquilina, u l-Avukat Austin Bencini. It-tlieta li huma qablu li skont il-Kostituzzjoni, il-President għandu jneħħi lil Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni u jaħtar xi ħaddieħor tal-fiduċja tal-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni. Dan għax Delia m’għadux igawdi l-fiduċja tal-maġġoranza fil-bankijiet tal-Oppożizzjoni.

Jidher li hemm esperti li sa issa huma anonimi li qed jagħtu parir li l-President m’għandux għalfejn jaħtar ieħor. Meta l-President semma dan l-argument waqt laqgħat ta’ konsultazzjoni li kellu, kien hemm min wieġeb li d-deċiżjoni li ma jinħatarx Kap tal-Oppożizzjoni tkabbar l-isfiduċja fl-istituzzjonijiet.

Argument ieħor li kien hemm min semma hu li jista’ jneħħi lill-Kap tal-Oppożizzjoni u jerġa’ jinħatar l-istess persuna bis-sorsi ta’ Newsbook.com.mt jgħidu li l-President żgur mhux se jieħu dan il-parir.