“Il-President reġa’ stqarr li hu favur il-ħajja” – in-Nunzju

In-Nunzju Appostoliku ta’ Malta Alessandro D’Errico qal li l-President George Vella reġa’ saħaq il-poiżizzjoni tiegħu favur il-ħajja skont it-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Huwa qal dan f’intervista esklussiva ma’ Newsbook.com.mt wara l-ewwel laqgħa kordjali li kellu mal-President il-ġdid it-Tnejn filgħodu.

In-Nunzju qal li huma ddiskutew diversi temi ta’ interess minn aspett ta’ relazzjoni bejn Stat u Knisja kif ukoll dwar il-politika internazzjonali. Monsinjur D’Errico semma’ l-aħbarijiet li qed jaslu mil-Libja kif ukoll ir-relazzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea.

In-Nunzju qal li r-relazzjoni bilaterali bejn l-Istat u l-Knisja hija ġeneralment tajba ħafna b’aspetti minn din ir-relazzjoni għadhom iridu jiġu ċċarati. In-Nunzju wassal ukoll il-messaġġ tal-Isfqijiet Maltin li kienu sodisfatti bl-għażla tal-Prim Ministru li jaħtar lil George Vella bħala President b’mod partikolari minħabba li din l-għażla wasslet għal aktar għaqda.

Immigrazzjoni: “Il-Papa jaf is-sitwazzjoni limitata ta’ Malta”

Meta tkellmu dwar l-immigrazzjoni, in-Nunzju qal li għarraf lill-President b’dak li qal il-Papa Franġisku, l-istess mod kif għamel mal-awtoritajiet fl-Ewwel tas-Sena. Semma kif dwar l-immigrazzjoni il-Papa jistieden lill-Gvernijiet biex ikunu solidali u juru sens ta’ ospitalità iżda jaf bis-sitwazzjoni limitata ta’ Malta.

Dwar il-Libja, in-Nunzju semma kif id-diskussjoni mal-President żvolġiet dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-Isqfijiet Maltin. Hawn semma lill-Isqof Bugeja u qal li l-President esprima t-tħassib tiegħu u esprima t-tama għal riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-Libja.