Il-President qal aktar milli taħsbu

Miguela Xuereb

Wara li l-President tar-Repubblika nhar it-Tlieta għamel l-indirizz tiegħu lin-nazzjon, ħafna ma kinux impressjonati. Qalu li ma kien qal xejn. Qalu li ddejqu jisimgħu diskors dwar l-għaqda u l-kalma. Qalu li l-pajjiż għandu ħafna bżonn ta’ President li jieħu pożizzjonijiet aktar iebsa.

Imma jekk wieħed janalizza u jiżen il-kliem kollu f’diskors ta’ xi żewġ minuti jsib li kien hemm aktar milli wieħed jista’ jaħseb mal-ewwel daqqa ta’ għajn.

  • Il-President reġa’ tenna li qed jagħmel dak  kollu li jista’ jagħmel skont il-Kostituzzjoni. Qal dan għax kif semma huwa qed iħoss il-karba tan-nies biex ikun strument biex jiġi evitat “l-agħar li jista’ jiżviluppa”. Donnu ried jgħid li kieku jista’ jagħmel iżjed jagħmlu. Imma donnu wkoll li ried jagħti l-impressjoni li qed jagħmel aktar. Għalhekk huwa interessanti li fid-diskors għamel ukoll appell bħala ċittadin. Tgħid barra dan l-appell fil-pubbliku l-President ħa xi inizjattivi bħala ċittadin? Fil-każ ma’ min ħadhom? Ma’ min tkellem?
  • Importanti wkoll li huwa appella “mill-ġdid biex kulħadd, mill-kbir saż-żgħir iqis bis-serjetà fejn jista’ jwassal għemilu”. Aktar ’l isfel appella “biex kulħadd ikun konxju tar-responsabbiltajiet li jġorr”.
  • Mill-kbir saż-żgħir qal. Allura dan ma kienx messaġġ biss jew prinċipalment lejn min qed jipprotesta fit-triqat. “Il-kbir” hu ħaddieħor. Żgur li dak li għamel jew naqas milli jagħmel il-kbir ikollu aktar effetti – tajbin jew diżastrużi minn taż-żgħir!
  • Huwa talab għall-kalma “’il bogħod minn reazzjonijiet spontanji”. Imma żied jgħid li għandna naraw li “nħallu l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom u li sseħħ il-ġustizzja”.
  • Hawn il-President missu kien aktar sod milli fil-fatt kien matul id-diskors. Stennejna li jagħmel enfasi akbar milli għamel dwar il-ħtieġa għal ġustizzja. U messu semma wkoll l-importanza li naħdmu għall-verità.
  • Dwar id-diskors għall-kalma naqblu perfettament. Kalma ma jfissirx li ma jsirux dimostrazzjonijiet. Altru li le. Anzi għandhom isiru aktar minnhom. Id-dimostrazzjonijiet huma n-nifs tad-demokrazija. Iżda t-tfigħ tal-bajd huwa ħażin u għalhekk m’għandux isir. Isaħħan il-qiegħa għal xejn u ma jieħu xejn.
  • Kif qal il-President “Malta jixirqilha aħjar”. Il-President dan qalu qabel ma sema’ dak li qed jingħad fix-xhieda li ngħatat f’dawn l-aħħar ġranet. Xhieda li xxukkjat lil kull Malti u Maltija li fih hemm imqar ftit ta’ diċenza u mħabba lejn pajjiżna. X’orribbiltà u x’miżbla għamlu minn pajjiżna dawn li kellhom tant saħħa politika biex jagħmlu pajjiż ġenna.
  • Malta jixirqilha aħjar iżda dan irridu nistinkaw u nissugraw għalih. Ħadd ma jista’ joqgħod iħares mill-gallerija. Huwa mistenni li kull ċittadin – indipendentement mill-kulur politiku –  barra li jitlob għall-kalma u għall-għaqda jistinka u jiġġilided biex issaltan il-ġustizzja u tkun magħrufa l-verità.