Il-President Pollakk se jivvota kontra riformi ewlenin fil-ġudikatura Pollakka

Il-President Pollakk, Andrzej Duda, ħabbar li se jivvota kontra liġi sabiex tibdel l-imħallfin tal-Qorti Suprema tal-pajjiż ma’ oħrajn tal-Gvern.
Il-liġi, li qed titqies bħala kontroversjali, ipproponiet tliet riformi ġudizzjarji li għaddew mill-Parlament Pollakk.
Iżda sabiex jiġu approvati, iridu jgħaddu b’vot favur mill-President, iżda jidher li dan mhux se jseħħ. Dan hekk kif Duda għandu s-saħħa tal-veto, jiġifieri anki jekk ikun hemm qbil unanimu favur il-liġi, jekk jivvota kontra hu biss ma tgħaddix.
Il-proposti kienu segwiti minn għadd ta’ protesti fl-aħħar jiem.
Il-bidliet kienu wkoll qajmu t-tensjoni bejn il-Gvern lemini fil-Polonja u l-Unjoni Ewropea.
Waqt programm televiżiv, Duda qal li ma jħossx li dal-proposti se jsaħħu s-sens ta' ġustizzja fil-pajjiż.
Il-ġimgħa l-oħra l-President Pollakk intervjena sabiex jinstab kompromess, iżda l-liġijiet laħqu għaddew mill-Parlament.
Sadanittant, il-partit konservattiv u demo-Kristjan populist, bl-isem ta' Liġi u Ġustizzja, PiS fil-qasir, ċaħad li r-riformi kienu se jwasslu għal tip ta' tmexxija awtoritarja.