Il-President Pollakk se jiffirma liġi dwar l-Olokawst

Il-President tal-Polonja jgħid li se jiffirma abbozz ta’ liġi kontroversjali dwar l-Olokawst, minkejja l-protesti ħorox mill-Iżrael u l-Istati Uniti.
Qal li għandu d-dritt “li jiddefendi l-verità storika”.
Andrzej Duda ddefenda din il-leġislazzjoni li se tagħmilha illegali li takkuża l-Polonja b’kompliċità ta’ atti kriminali li twettqu fi żmien l-okkupazzjoni tan-Nazi.
Il-Gvern Pollakk qal li l-għan tiegħu hu li jwaqqfu persuni, organizzazzjonijiet jew stati oħra milli jakkużaw lill-istat Pollakk għall-atroċitajiet li saru.
Iżrael wera t-tħassib tiegħu għal din il-liġi minħabba li hu mifhum li l-veritajiet se jinħbew u l-involviment ta’ Pollakki waqt l-okkupazzjoni tan-Nazi fil-Polonja mhix se tkun ċara.
Hemm ukoll il-biża’ li dawk li salvaw mill-Olokawst jistgħu jaffaċċjaw akkużi kriminali jekk fix-xhieda tagħhom jimplikaw lill-Pollakki.