Il-President Niġerjan iwiegħed azzjoni wara l-qtil ta’ qassis

Il-President Niġerjan, impenjat favur il-paċi fil-pajjiż

Il-qtil ta’ Fr. David Tanko fin-Niġerja l-ġimgħa li għaddiet wassal lill-President tal-pajjiż, Muhammadu Buhari, mhux biss biex jikkundanna dan il-qtil imma anke biex iwiegħed li l-Gvern se jieħu azzjoni biex isisb lil min kien responsabbli ħalli jirrispondi għal għemilu.

“Dan il-qtil għandu jwassalna biex naħdmu ħalli jieqaf il-kunflitt bejn ir-razez tat-Tiv u l-Jukun, li qed jagħmel ħafna ħsara lill-pajjiż. Għan-nom tal-Gvern federali u l-poplu kollu tan-Niġerja, irrid noffri kondoljanzi lill-komunità Kattolika, lill-Gvern u lill-poplu ta’ Taraba dwar in-nurmu ta’ persuni li nqatlu fl-aħħar inċidenti bejn dawn iż-żewġ tribujiet”, qal il-President Buhari.

Dan is-sċerdot żagħżugħ inqatel fis-siegħat bikrin tat-28 ta’ Awwissu waqt li kien fi triqtu biex imur jimmedja f’kunflitt bejn żewġ popli rivali – it-Tiv u l-Jukun, fl-istati ta’ Taraba u Benue.

Impenn tal-President Niġerjan

Min-naħa tiegħu l-President Niġerjan ordna lill-Gvernijiet tal-istati ta’ Tabara u Benue biex jiltaqgħu mmedjatament u jwaqqfu l-ġlied vjolenti persistenti bejn il-popli rispettivi tagħhom.

Il-Kap tal-Istat assigura lill-poplu li l-Gvern Federali kien determinat li jagħmel il-parti tiegħu “u mhux se joqgħod iċiċċi u jara jkompli jikber dan l-antagoniżmu aħrax fejn il-popli tat-Tiv u l-Jukun”.

Il-President Muhammadu Buhari qal:”Ma riedtx nemmen dak li rajt kif il-mibegħda u r-ras iebsa, invaew ir-ruħ umana u spiċċaw biex aħwa joqtlu lil-aħwa.  Impossibbli jkun hemm progress fejn il-vjolena u t-tifrik jitħallew jiddominaw il-ħajja tagħna ta’ kuljum. Il-President irrikonoxxa li l-vjolenza bejn it-Tiv u l-Jukun hi l-akbar problema persistenti għas-sigurtà tal-pajjiż”.

an, Buhari, impenjat favur il

Wara li ta assikurazzjoni li l-Gvern mhux se jħalli lil dawn iż-żewġ popli jfendu għal rashom, il-Pesident enfasizza li billi jibgħat “il-forzi tas-sigurtà, dawn jistgħu joffru biss soluzzjoni temporanja. Is-soluzzjoni dejjiema għal dan l-antagoniżu u ġlied bejn iż-żewġ naħat tiddependi mir-rieda ta’ dawk involuti li jisimgħu l-leħen tar-raġuni u jagħtu ċans lill-paċi biex tirrenja”.

“Wasal iż-żmien li l-mexxejja ta’ dawn iħ0ħewġ gruppi etniċi biex jersqu lejn xulxin u jfasslu mappa għal paċi dejjiema. L-impatt ta’ din il-vjolenza bla waqfien fuq il-ħajja soċjali u ekonomika tal-popli tagħhom hu impett li ma jistax jitkejjel”, temm jgħid il-President Buhari.

F’diversi nħawi tan-Niġerja hemm nuqqas kbir ta’ sigurtà. Jumejn ilu nżamm Jum ta’ Talb għall-Paċi fid-djoċesi ta’ Owerri, fin-nofsinhar tal-pajjiż.