Aġġornata: Il-President mhux lest jiffirma liġijiet li jmorru kontra l-kuxjenza tiegħu

Dalgħodu il-Prim Ministru ma riedx jikkumenta dwar il-pożizzjoni tal-President kontra l-Liġi tal-Unjoni Ċivili. Huwa qal li dak li jiddiskuti mal-President huwa kunfidenzjali. Fl-istess waqt, il-Prim Ministru qal li ma kienx hemm problemi bl-abbozz ta’ liġi u din dalwaqt se tkun approvata fil-Parlament.

Ikkuntattjata minn Newsbook.com.mt, kelliema għall-Uffiċju tal-President ma xtaqitx tikkummenta bir-reazzjoni tal-President. 

Aktar qabel:  
Hekk kif baqa’ ftit jiem biex tintemm il-Presidenza,  qed jiġi rrappurtat li Dr George Abela mhux lest jiffirma l-liġi dwar l-Unjoni Ċivili. Għalhekk kollox jindika li se tkun Marie Louise Coleiro Preca li tiffirma din il-liġi.

Dakinhar li tħabbret uffiċjalment in-nomina tagħha għal President, bi tweġiba għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, Coleiro Preca kienet wieġbet li m’għandha l-ebda diffikultà li tiffirma l-liġi tal-Unjoni Ċivili għax kienet parti mill-Kabinett meta ġiet diskussa.

Mingħajr ma tkellem speċifikament fuq liema liġi, waqt intervista li saret f’Novembru li għadda, Dr Abela kien qal li se jibqa’ jiffirma liġijiet sakemm dawn ma jidħlux f’kunflitt mal-kuxjenza tiegħu.

Dwar l-Unjoni Ċivili u l-adozzjoni tat-tfal minn persuni tal-istess sess, il-President kien qal li “għadu qed jittama li jsir dibattitu vera u proprju fil-parlament”. Saħaq li “hu importanti nisimgħu l-vuċi tat-tfal u mhux nitkellmu biss fuq il-vuċi u d-drittijiet tal-persuni omosesswali”.  

Fil-25 ta’ Frar li għadda fil-Parlament, il-liġi tal-Unjoni Ċivili ġiet approvata minn stadju ta' kumitat.  Ftit jiem wara, l-Prim Ministru qal li ma jistax jgħid meta u taħt liema Presidenza mistennija tgħaddi l-liġi tal-Unjoni Ċivili’. Minn dakinhar sa issa ma ssemma xejn aktar dwar din il-liġi.