Il-President Malti u dak Taljan jiddiskutu l-problemi komuni bejn il-pajjiżi

DOI: Kevin Abela

Fl-ewwel laqgħa bilaterali mal-President Taljan Sergio Mattarella, il-President George Vella stqarr li r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Italja huma b’saħħithom u għandhom ikomplu jissaħħu fiż-żmien li ġej. It-tnejn saħqu fuq l-importanza li jkun hemm aktar koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi biex jiġu indirizzati l-problemi li qed jiffaċċja r-reġjun tal-Mediterran.

Huma qablu li fost l-oħrajn dan l-approċċ għandu jintuża b’rabta mal-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Il-President Vella qal li għandu jidħol fis-seħħ mekkaniżmu permanenti biex jinqasam il-piż bejn il-pajjiżi Ewropej meta jiżviluppaw każi ta’ dgħajjes bl-immigranti fil-Mediterran.

Il-President Vella tenna li l-awtoritajiet Maltin huma lesti li jaħdmu id f’id ma’ dawk Taljani biex jiġu indirizzati d-diversi temi u l-interessi komuni bejn iż-żewġ naħat. Fost is-suġġetti li tqajmu, it-tnejn semmew l-aħħar żviluppi fil-Libja, fl-Afrika ta’ Fuq, u fil-kontinent Afrikan b’mod ġenerali, u kif dawn għandhom effett mhux biss fuq Malta u l-Italja, iżda wkoll fuq l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Is-sitwazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewopea ġiet diskussa fit-tul.

Din il-laqgħa kordjali ntemmet biż-żewġ presidenti jesprimu x-xewqa tagħhom għal koperazzjoni sħiħa bejn Malta u l-Italja biex tkompli tissaħħaħ il-ħbiberija dejjiema ta’ bejniethom.