Il-President kontra d-droga: Caritas kuntenti; Re-Leaf tikkummenta

Il-Caritas u r-reLeaf ma jaqblux mat-terminu “droga rikreattiva”, minkejja l-politika tagħhom dwar il-kannabis f’Malta, li mal-ewwel daqqa t’għajn wieħed jista’ jaħseb li huma direttament opposti għal xulxin.
Waqt il-programm Newsline fuq RTK, ippreżentat minn Fr Joe Borg u Manwel Delia, tkellmu Anthony Gatt, il-kordinatur tal-programmi terapewtiċi fi ħdan il-Caritas, u Eric Castillo, kofundatur tar-reLeaf, għaqda mhux governattiva li tħabrek sabiex il-kannabis rikreattiva tkun legalizzata fis-suq Malti.
Iż-żewġ mistiedna kienu qed jirreaġixxu għad-diskors tal-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, f’Jum ir-Repuibblika, li qalet ċar u tond li skontha d-droga m’għandha ebda valur rikreattiv, u hija għadu u mhux ħabib ta’ wliedna.
“Ħażin meta ngħaddu l-messaġġ li d-droga tista’ tkun rikreattiva” – Caritas
Mitlub jikkummenta dwar dan, Gatt qal li l-Caritas tilqa’ bis-sħiħ dak li qalet il-President, għax qal li fehmet ir-realtajiet tan-nies li qed ibatu minħabba d-droga.
Hawnhekk enfasizza li l-frażi “użu rikreattiv” mhux f’loku meta qed nitkellemu dwar il-kannabis, li skontu, tibqa’ droga. Sostna li hu messaġġ ħażin li d-droga tista’ tkun rikreattiva.
Tkellem ukoll dwar id-dibattitu politiku riċenti dwar il-kannabis, speċjalment dwar l-użu mediku, u qal li hu pass ’il quddiem fid-dibattitu politiku meta tiġi mmarkata d-differenza bejn l-użu mediku u dak rikreattiv.
Saħaq li bħala Caritas iħossu li hemm ċerta kawtela min-naħa tal-awtoritajiet dwar das-suġġett, xi ħaġa li skontu l-Caritas tapprezza.
Filwaqt li qal li mhux kull min ipejjep il-ħaxixa jispiċċa vvizzjat biha, Gatt qal li mill-esperjenza tgħallem li l-vittmi tad-droga jemmnu bis-sħiħ li l-istat għandu jagħmel minn kollox biex ma jinkuraġġix l-użu tad-droga.
Temm jgħid li l-biża’ ewlenija tal-Caritas hi li jiġri bil-kannabis bħalma ġara fil-passat meta sustanzi li llum qed jagħmlu ħafna ħsara ġew irreklamati u mbuttati anki mill-midja sakemm saru legali.
Hawnhekk semma s-sigaretti.
“Irridu liġi li tillegalizza l-kannabis, iżda li tiġġieled ukoll lit-traffikanti” – reLeaf
Castillo rrimarka li bħala organizzazzjoni wkoll ma jaqblux mat-terminu “użu rikreattiv”, iżda jippreferu jitkellmu dwar “użu personali”.
Skont Castillo, ladarba l-użu tal-kannabis isir wieħed personali, dan ifisser li ċ-ċittadin ikollu d-dritt li dan l-użu jiġi protett bil-liġi.
Għalhekk ir-reLeaf tagħfas fuq il-legalizzar tal-kannabis, għax dan ikujn ifisser li l-istat ikollu kontroll tas-suq u jkun jista’ jiġġieled b’saħħa akbar lit-traffikanti tal-kannabis.
Mistoqsi x’jaħseb dwar id-diskors tal-President, Castillo qal li jaqbel miegħu iżda mhux f’kollox. Filwaqt li sostna li vera li l-familji jbatu minħabba l-użu tad-droga, irrimarka li l-effetti tagħha jonqsu jekk il-Gvern ikun jista’ jikkontrolla s-sustanza.
Hawnhekk enfasizza li l-għan tar-reLeaf mhuwiex li f’Malta jkun hawn aktar persuni jpejpu l-ħaxixa, jew li jippromwovi l-kannabis, iżda li ċ-ċittadin ikollu l-informazzjoni kollha quddiemu, imbagħad tkun għażla personali jużax il-kannabis jew le.
Pajjiżi fejn ġiet legalizzata l-ħaxixa
Gatt tkellem dwar il-Portugall u l-Olanda li llegalizzaw il-ħaxixa u studji wrew li l-użu fil-fatt naqas.
Dan hu argument li r-reLeaf tpoġġi sikwit, jiġifieri li jekk is-sustanza ssir legali l-użu tagħha kapaċi jonqos.
Gatt qal li l-Portugall kien għaddej minn kriżi ekonomika u ta’ kriminalità,l allura meta llegalizza s-sustanza din serviet biex ikun hemm dħul għall-istat, iżda wkoll biex jikkontrolla l-għadd ta’ persuni li kienu qed jispiċċaw il-ħabs minħabba l-ħaxixa.
Il-kelliem għall-Caritas sostna li r-realtà tal-Portugall kienet differenti minn ta’ Malta, allura ma nistgħux nieħdu lill-Portugall bħala eżempju.
Semma wkoll Amsterdam, fejn hemm sfidi kbar minħabba li mindu l-kannabis ġiet legalizzata, attirat tip ta’ turiżmu marbut mad-droga, kif ukoll ħafna kriminali.
Min-naħa tiegħu, f’isem ir-reLeaf Castillo qal li l-projbizzjoni m’għaduiex taħdem, speċjalment meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsija ta’ Fr Joe, li staqsa huwiex minnu li jekk il-kannabis tiġi legalizzata tkun tneħħiet biċċa illegalità li hi ta’ wġigħ ta’ ras lill-istat.