Il-President George Vella appella sabiex l-edukazzjoni permezz tal-internet tkompli wara l-perjodu tal-coronavirus, partikolarment biex jibbenefikaw tfal li huma morda.
Dan l-appell tal-President segwa t-talbiet tal-familja Zammit Lupi fl-aħħar jiem. Il-familja ta’ Rebecca, it-tfajla ta’ 14-il sena li bħalissa qed tirċievi l-kura fl-Isptar Mater Dei, tkellmet dwar kif tfal morda qed jibbenefikaw mill-fatt li l-edukazzjoni kellha titmexxa online.
Il-President qal li pass bħal dan wara diskussjoni mal-awtoritajiet edukattivi u l-għalliema nnifishom, jista’ jgħin lil għexieren ta’ tfal biex ikomplu l-istudju tagħhom mid-dar u mill-isptar. Qal li dan jista’ jgħin ukoll anke f’każi fejn hemm tfal li qed jirċievu kura barra mill-pajjiż.
S’issa kienu diversi l-entitajiet u l-persuni li talbu sabiex l-edukazzjoni online tkun tista’ tibqa’ għaddejja anke wara li l-perjodu tal-coronavirus jgħaddi. Dan jinkludi l-għaqda Puttinu Cares li twaqfet fl-2002. L-għaqda toffri akkommodazzjoni b’xejn lil familja kollha tal-pazjenti li jsiefru lejn l-Ingliterra biex jieħdu l-kura neċessarja.