Il-President jista’ jaġixxi biex ineħħi l-Kap tal-Oppożizzjoni

Read in English.

Il-President ta’ Malta jista’ jaġixxi biex ineħħi l-Kap tal-Oppożizzjoni. F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello qal li l-Kostituzzjoni tħalliha fil-“ġudizzju” tal-President jekk il-persuna magħżula  bħala Kap tal-Oppożizzjoni tgawdix il-fiduċja tal-maġġoranza tal-membri tal-partit jew partiti tal-Oppożizzjoni.

Sostna li l-Kostituzzjoni ma torbotx lill-President kif għandu jasal għall-konklużjoni jekk il-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni għadux igawdi dik il-fiduċja. Fisser kif huwa naturalment aktar faċli għalih li jiddeċiedi jekk ikollu vot formali ta’ fiduċja jew ta’ sfiduċja. Fl-istess waqt huwa qal li dan ma jxekklux milli jasal għall-ġudizzju tiegħu fuq informazzjoni jew fatti oħra.

L-Imħallef Emeritu qal li lanqas ma huwa perikoluż jekk il-President jieħu inizjattivi personali ta’ verifika għalkemm ma għandu ebda obbligu li jagħmel dan skont il-Kostituzzjoni.

Dwar dan Newsbook.com.mt talab lill-President George Vella jikkumenta waqt attività fl-Università ta’ Malta iżda qal li m kienx il-post għal dawn il-mistoqsijiet. Għaldaqstant, l-istess mistoqsijiet intbagħtu b’email lill-kelliema tiegħu.

Filmat: Miguela Xuereb; Ġurnalista: Monique Agius

KOMPLI SEGWI L-AĠĠORNAMENTI LIVE

“Każ differenti mit-tneħħija tal-PM” – Franco Debono

L-istess ħsieb ta’ Giovanni Bonello esprimieh l-Avukat Franco Debono. Huwa qal li l-Kostituzzjoni tipprovdi xenarju differenti minn dak għat-tneħħija tal-Prim Ministru fejn f’dan il-każ jista’ jitneħħa biss b’vot ta’ sfiduċja.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, Franco Debono jgħid l-President “għandu l-poter u d-diskrezzjoni li jneħħi lill-Kap tal-Oppożizzjoni” għaliex il-Kostituzzjoni titkellem dwar “il-ġudizzju” tal-President.