Il-President jappella lill-poplu Malti “jkompli juri kemm hu qalbu tajba”

Read in English.

Il-President George Vella appella lill-poplu Malti u Għawdxi biex ikompli juri kemm hu qalbu tajba, mhux waqt L-Istrina biss, iżda tul is-sena kollha. Stqarr li f’dan iż-żmien tal-pandemija tal-Covid-19, żdiedet it-talba għall-għajnuna mill-marid u minn min hu fil-bżonn.

Fil-messaġġ tiegħu tal-Milied, il-President Vella rrimarka li din is-sena kienet iebsa għax naqsu l-fondi u l-attivitajiet. Ħa l-opportunità biex f’ismu u f’isem martu jirringrazzja lill-poplu għall-appoġġ li qed jagħtih sabiex il-Malta Community Chest Fund Foundation tkompli taqdi dak li hu mistenni minnha.

Filwaqt li qal li f’ġurnata bħal-lum, imdorrijin inqattgħu ħin mal-għeżież u l-ħbieb tagħna, irringrazzja lill-poplu li “b’ħafna sagrifiċċju qed josserva d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa”. Insista li dan hu fl-interess ta’ saħħitna u tas-saħħa tal-għeżież tagħna.

Esprima d-dispjaċir tiegħu u ta’ martu minħabba li kellhom inaqqsu ħafna mil-laqgħat tagħhom mal-pubbliku biex jagħtu l-awguri u x-xewqat sbieħ.  Madanakollu, stqarr li dan kollu m’għandux inaqqsilna mill-ispirtu tal-Milied, li fi kliemu “ma jinħassx biss fil-miġegħma jew fil-festini u r-riċevimenti”.  Qal li jemmen li l-Maltin, li tant jgħożżu l-familja, isibu l-milja tal-Milied fil-ġabra u l-għaqda mal-familja.

Dr George Vella għadda biex jagħmel diversi appelli b’risq l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

Beda bil-morda u appella biex f’dawn il-ġranet inwasslu kelma ta’ kuraġġ lill-morda, lil dawk rikoverati l-isptar, lil min għaddej minn xi trattament mediku, u lill-vulnerabbli. “Kliem ta’ faraġ u sostenn jiswa daqs il-kura medika”, żied jgħid. Irrimarka li dawk kollha li jduru bil-morda qed jaqdu missjoni ta’ mħabba.

Sellem lil dawk li tilfu lil xi membru tal-familja jew xi ħabib minħabba l-virus li ddeskriva bħala sieket u qerriedi, u ħeġġiġhom biex jagħmlu kuraġġ biex “ilkoll negħlbu dawn il-mumenti diffiċli, flimkien”.  

Sellem ukoll lill-anzjani, “li wħud minnhom ma jistgħux iqattgħu din il-ġurnata ma’ wliedhom u man-neputijiet tagħhom biex tkun imħarsa saħħithom”. Appella lill-familji biex jagħmlu dak kollu possibbli – b’xi telefonata, xi messaġġ, kartolina jew xi rigal żgħir – u juru lill-anzjani li għalkemm iżolati mhumiex minsija.

Irrefera wkoll għal dawk li minħabba l-pandemija batew konsegwenzi fid-dinja tax-xogħol, fl-intrapriżi, fil-kummerċ u fit-turiżmu.

Il-President ta’ Malta temm b’kelma ta’ kuraġġ lill-poplu u saħaq dwar l-importanza li bħala poplu nirrealizzaw li għad għandna ħafna affarijiet sbieħ, “li jekk nagħrfu nibżgħu għalihom u nisfruttawhom, nagħmlu ħajjitna ħafna u ħafna aħjar”. Fakkar fil-vaċċin kontra l-Covid-19 li se jibda jingħata minn nhar il-Ħadd li ġej.