Il-President jappella għal żvilupp sostenibbli

Read in English.

Il-President George Vella appella żvilupp sostenibbli u biex jinstab bilanċ bejn ambjent u l-iżvilupp.

Meta kien qed jattendi għat-tnedija tal-ewwel edizzjoni tal-pubblikazzjoni tal-‘Malta Architecture and Spatial Planning Awards 2019’, il-President stqarr li dejjem kien jemmen fil-prinċipju tas-sostenibbiltà sabiex nipproteġu u nħallu ambjent san għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Filwaqt li fisser kif l-iżvilupp ma jistax jitwaqqaf, esprima l-importanza li fit-tfassil ta’ kwalunkwe proġett, tiżdied il-kuxjenza fuq l-effett li dan se jkun qed ikollu, mhux biss għal min ikun qed iwettaq il-proġett, iżda għall-poplu kollu.

Il-President appella sabiex jitħares ukoll il-wirt kulturali, u dan mhux referenza biss għal binjiet partikolari ta’ valur storiku iżda wkoll il-madwar tagħhom li jagħti valur sħiħ lil dawn l-istrutturi. Fuq kollox li jkun ivvalorizzat il-karattru Malti, dak li kien, u dak li għad ikun.

Temm billi feraħ lil dawk kollha preżenti u rringrazzja lill-Awtorità tal-Ippjanar għal din l-inizzjattiva filwaqt li inkoraġġixxa lil professjonisti oħra biex jitfgħu n-nomina tagħhom għall-edizzjoni 2020 ta’ dawn il-premjijiet.

Waqt din is-serata, tnediet ukoll it-tieni edizzjoni tal-MASP Awards filwaqt li ngħatat plakka kommemorattiva lis-sidien ta’ binjiet li rebħu premjijiet fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet.