Il-President issostni li bil-kunflitti mhux se nimxu ‘l quddiem

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, qalet li l-kunflitt mhuwiex il-mod kif nistgħu nimxu ’l quddiem.
Żiedet tgħid li huwa meta nħobbu lil xulxin, meta nirrispettaw lil xulxin u meta nivvalutaw lil xulxin, li nkunu tassew qed naħdmu għall-paċi biex nibnu kultura ta’ paċi pożittiva.
Waqt li kienet qed tippresjedi ċ-ċerimonja tal-Fjamma tal-Paċi ta’ Betlem fil-ġonna tal-Palazz ta’ San Anton, ikkoordinata mill-Baden Powell Scouts Malta, sostniet li kulħadd għandu d-dmir li jaħdem għall-paċi flimkien, fil-familji, fuq il-postijiet tax-xogħol, u fil-klassijiet, billi jagħti l-eżempju.
Il-President Coleiro Preca qalet li “niltaqgħu darba f’sena biex niċċelebraw il-paċi u nfakkru kemm hi sabiħa l-paċi u kif irridu naħdmu għall-paċi huwa importanti, imma l-paċi rridu naħdmu għaliha kuljum.”
Temmet tgħid li l-mument tal-wasla ta’ din il-fjamma ta’ paċi huwa mument fejn nirriflettu aktar għall-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin tul din is-sena, u appellat biex “naħdmu flimkien, kif għamlu missirijietna, biex Malta tagħna tkun mudell u pont tal-paċi, billi nuru rispett lejn xulxin.”
Ritratti: OPR