Il-President issejjaħ għal “djalogu rispettabbli” dwar kwistjonijiet etiċi

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca appellat biex il-professjonisti, l-attivisti tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet nazzjonali u l-membri tal-komunitajiet milquta jingħaqdu fi “djalogu rispettabbli dwar kwistjonijiet etiċi”.
Hija rreferiet għal dan iż-żmien li fih il-pajjiż għaddej minn bidliet storiċi fil-qasam tal-leġislazzjoni u politika li jittrattaw oqsma sensittivi ta’ kura riproduttiva.
Fil-ftuħ tal-konferenza bit-tema “Every Life Matters”, il-President irreferiet għallinklużjoni ta’ persuni b’diżabilitajiet fil-livelli kollha tas-soċjetà.
Qalet li din hija parti sħiħa mill-impenn biex il-pajjiż iħaddan valuri demokratiċi, u jissalvagwardja d-drittijiet umani universali.
Il-President qalet li huwa essenzjali li s-soċjetà dejjem tippromwovi, tipprijoritizza u tipproteġi d-dinjità intrinsika tal-persuna umana.
Saħqet li hija r-responsabiltà tas-soċjetà li tagħti widen għall-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ familji li għandhom persuna b’diżabiltà. 
Tkellem ukoll id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef li qal li fl-aħħar ħamsin sena, il-persuni b’diżabilità għamlu kisbiet kbar f’dak li huma drittijiet, inklużjoni soċjali u servizzi. Għalkemm fadal ħafna x’isir, Fr Martin qal li dan kollu hu frott ta’ żieda fl-għarfien tad-dinjità li għandhom iġawdu l-persuni d’diżabilità bħala ċittadini ndaqs.
Ġenituri jintalbu "jħaddmu rashom" – Fr Martin
Qal li jweġġa’ ħafna meta jiltaqa’ ma ġenituri li jintalbu “jħaddmu rashom” minn professjonisti mediċi jekk jirriżulta li hemm xi ħaġa mhux tas-soltu mit-testijiet li jagħmlu.
Sostna li jixtieq jibqa’ jgħix f’soċjetà li jkollha leġiżlazzjoni li tħares dejjem id-dritt tal-ħajja f’kull stadju tagħha bla ma tagħżel min għandu jgħix jew imut. 
Kelliema oħra f’din il-konferenza tkellmu dwar trattamenti ġodda għall-persuni bid-Down Syndrome, kif ukoll l-aspetti mediċi u etiċi fl-għażla u fl-eżaminar qabel it-twelid tal-embrijun. 
Il-konferenza “Every Life Matters” kienet organizzata mill-Life Network Foundation Malta u mid-Dar tal-Providenza bil-kollaborazzjoni tal-One Of Us Federation u LeJeune Foundation.