Il-President u l-PM jiskambjaw il-‘grazzi’ għas-suċċess tal-Istrina

Il-President ta' Malta, Marie-Louise Coleiro Preca u żewġha, iltaqgħu mal-Prim Ministru, Joseph Muscat, u l-bqija tal-Kabinett fil-Palazz tal-President u rringrazzjaw lil xulxin għas-suċċes tal-Istrina.
Waqt il-laqgħa li saret sabiex jibagħtu lil xulxin l-awgurju għas-sena l-ġdida, il-Prim Ministru rringrazzja lill-President u lill-istaff tagħha għas-suċċess tal-istrina.
Skont il-Prim Ministru, matul s-sena d-dieħla l-Gvern se jkompli jirranka fil-ħidma tiegħu wara li l-poplu taħ mandat b’saħħtu.
Muscat stqarr li se jkun hemm bidliet li forsi jidhru żgħar iżda jkunu sinifikattivi. Tkellem ukoll dwar inizjattivi bħal dak tal-Vot16.
Fi kliem Muscat, fl-2018 se jerġa’ jkun hemm enfażi fuq ir-ritmu ekonomiku. Saħaq li fil-ġimgħat li ġejjin se titnieda white paper biex Malta tilqa’ l-isfida tal-prezzijiet fil-kirjiet.
Temm jgħid li se jkun hemm ukoll aktar ħidma fil-oqsma soċjali, tas-saħħa, tal-edukazzjoni, u tal-infrastruttura fost l-oħrajn.
Minn naħa tagħha, il-President irringrazzjat lil Muscat u lill-membri tal-Kabinett għall-isforz tagħhom biex l-Istrina tkun ta’ suċċess.
Qalet li tilqa’ b’mod pożittiv l-aħbar li l-Gvern se jkompli jaħdem għal aktar ġid ekonomiku f’Malta.
Il-President żiedet tgħid li qed tistenna bi ħġarha li jibda l-proċess għar-riforma tal-Kostituzzjoni Maltija.