Il-President ifaħħar l-umiltà u d-determinazzjoni tal-Kardinal Mario Grech

Ritratt: OPR

Il-President ta’ Malta, George Vella, f’laqgħa ta’ kortesija mal-Kardinal Mario Grech fil-Palazz ta’ Sant’Anton qal, li tul is-snin in-nazzjon Malti ra mhux biss l-umiltà iżda wkoll il-ħniena, l-intelliġenza u d-determinazzjoni li dejjem spikkaw f’kull funzjoni li qeda l-Kardinal.

Din il-laqgħa saret wara li Mario Grech inħatar Kardinal mill-Papa Franġisku waqt il-Konċistorju li sar fit-28 ta’ Novembru fil-Vatikan.

Il-President qal li jinsab ċert li din il-pożizzjoni tant prestiġjuża fil-Knisja se tkompli tixhed il-valur tal-umiltà tal-Kardinal Grech.

Il-Kardinal Mario Grech f’laqgħa mal-PM Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja mal-Kardinal Mario Grech fl-okkażjoni tal-ħatru tiegħu bħala Kardinal.

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat minn martu Lydia Abela. Huwa qal li fisser din l-okkażjoni hija waħda ta’ ferħ, ta’ għaqda u ta’ kburija nazzjonali. Żied li l-Kardinal Mario Grech kien dejjem vuċi soda biex jagħti kuraġġ u joffri t-tama u biex jingħelbu l-preġudizzji.

Abela qal li huwa ċert li l-elementi li sawru lil Mario Grech waqt ix-xogħol pastorali tiegħu bħala Isqof fil-komunità speċjalment dik Għawdxija, se jagħmlu d-differenza anke bħala Kardinal biex il-Knisja Kattolika tersaq iktar lejn in-nies u l-familji.

Il-Prim  f’isem il-poplu u l-Gvern Malti awgura lill-Kardinal Grech ħidma fejjieda li se tkun qed tagħmel lil dan in-nazzjon iktar kburi milli diġà hu.

Il-Kardinal Grech kien milqugħ fil-Berġa ta’ Kastilja mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela.

Il-Kap tal-PN jiltaqa’ mal-Kardinal Grech fid-Dar Ċentrali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech laqa’ lil-Kardinal Mario Grech fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Bażilika ta’ San Kożma u Damjan

Il-Kardinal Mario Grech ingħata f’idejh il-Bażilika ta’ San Kożma u Damjan li tinsab ġewwa Vjal Fori Imperiali f’Ruma. Il-bażilika ġiet mibnija fil-bidu tar-raba’ seklu bħala tempju Ruman. Huwa maħsub li dan it-tempju kien iddedikat lil Valerius Romulus, iben l-Imperatur Maxentius. Dan it-tempju sar knisja fl-527 u fih hemm arti marbuta mat-twemmin Kristjan.

San Kożma u San Damjan kienu żewġ aħwa Kristjani Għarab li mietu martri taħt l-ordni tal-Imperatur Diocletian madwar is-sena 287 W.K.

Illum, il-Bażilika ta’ San Kożma u Damjan hija meqjusa bħala waħda mill-eqdem knejjes imsejħin tituli li l-kardinali huma patruni tagħhom. Din tinsab f’żona magħrufa bħala Forum of Vespasian li jsibuha wkoll bħala Forum of Peace.