Il-President Hassan Rouhani: Gvern ta’ tama u għerf għall-poplu Iranjan

Il-President Iranjan Hassan Rouhani wissa’ lill-Punent sabiex iwaqqaf is-sanzjonijiet u jirrispetta lil Tehran.

Fid-diskors tal-inawgurazzjoni tiegħu fil-Parlament, il-President il-ġdid Iranjan sostna li hemm bżonn li wieħed jitkellem bil-lingwa ta’ rispett filwaqt li wiegħed li fl-Iran se jkun hemm Gvern ta’ tama u għerf li jirrispetta liċ-ċittadini kollha.

Il-President Hassan Rouhani ta’ 64 sena wiegħed li l-kabinett tiegħu se jkompli jaħdem għal-libertà, għad-drittijiet tal-mara kif ukoll biex inaqqas l-indħil fil-ħajja tan-nies. Hu żied jgħid li se jaħdem sabiex jonqsu d-diffikultajiet ekonomiċi hekk kif ir-rata tal-inflazzjoni hija ta’ madwar 40%.