Il-President għandu jkollu l-awtorità li jintervjeni – Delia

Il-President tar-Repubblika għandu jkollu l-awtorità li jiddeċiedi jekk għandux jintervjeni b’mod effettiv meta l-pożizzjoni tal-Prim Ministru tal-pajjiż tkun tinsab fi stat prekarju.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia waqt attività fil-każin tal-PN f’Birkirkara. Delia insista li l-kostituzzjoni għandha sservi bħala d-dokument li jipproteġi liċ-ċittadini, b’mod speċjali meta l-Gvern u l-istituzzjonijiet l-oħrajn ifallu milli jagħmlu dan. Għaldaqstant, sostna li hemm bżonn li wieħed jassigura li l-kostituzzjoni tħalli aktar poteri f’idejn il-President f’ħinijiet ta’ kriżi.

Delia spjega kif fiżikament, pajjiż għandu bżonn toroq, enerġija u sptarijiet. Madanakollu sostna li biex sistema politika taħdem b’mod effiċċjenti għandha bżonn demokrazija b’sinsla. Hu sostna li mingħajr demokrazija f’saħħitha, jaqa’ kollox.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni enfasizza li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jerfa’ r-responsabbiltà u jirreżenja b’mod immedjat. Qal li dan ammettewh ukoll iż-żewġ kandidati li bħalissa jinsabu għaddejjin bil-kampanja tagħhom sabiex xi ħadd minnhom jilħaq Mexxej tal-Partit Laburista, Chris Fearne u Robert Abela. Delia ddeskriva lill-Kummissarju bħala r-raġel li tradixxa u falla liċ-ċittadini Maltin.

Delia żied jgħid li l-backbenchers tal-Parlament huma fdati sabiex jikkritikaw u jwaqqfu lill-Gvern milli jagħmel deċiżjonijiet mgħaġġla. Delia allega li minflok, dawn ġew imħallsa biex jagħlqu ħalqhom.

‘Is-sistema ġudizzjarja tal-pajjiż inħatfet’

Delia sostna li s-sistema ġudizzjarja tal-pajjiż inħatfet mill-politikanti. Qal li dan deher biċ-ċar f’ħafna artikli tal-media lokali. Hu kien qed jirreferi għall-iżviluppi li kienu qed jissuġġericcu li xi deċiżjonijiet ġudizzjarji ttieħdu wara influwenza politika.

Delia ppropona li d-deċiżjonijiet li ttieħdu fil-passat minn Imħallfin Kostituzzjonali ma għandhomx jitħallew jiġu reveduti minn Imħallfin ġodda taħt il-Gvern kurrenti.

Delia fakkar lill-udjenza li minkejja li l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-Pulizija qiegħdin hemm biex iservu lill-pajjiż, “il-persuna li tmexxihom mhux qed tagħmel dan”. Hu insista l-ħatriet fil-Forzi Armati kienu qed isiru mingħajr it-testijiet neċessarji.