Il-President mistenni jiltaqa’ mal-MPs tal-PN

Miguela Xuereb

Skont sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, il-President George Vella mistenni jiltaqa’ mal-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fis-sigħat li ġejjin. Dan sabiex jiddiskuti magħhom il-ħatra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni ġdid wara li Adrian Delia gie sfiduċjat minn kważi żewġ terzi tal-Grupp Parlamentari.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li L-President mistenni jiltaqa’ mal-MPs b’mod individwali bħalma għamel mal-MPs Laburisti fil-kriżi politika f’Diċembru li għadda. Dan mistenni jsir bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa biex ikun jista’ jifhem aħjar is-sitwazzjoni u jaġixxi skont dak li titlob minnu l-Kostituzzjoni ta’ Malta.

L-istess sorsi qalu li l-President Vella llum kellu kuntatt informali ma’ wieħed mill-membri tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.

Intant il-grupp li wera sfiduċja f’Delia ħareġ stqarrija biex jispjega l-pożizzjoni tiegħu. Saħqu li d-19 li huma jinsabu determinati li jaħdmu għall-interess ta’ Malta u tal-PN.

Adrian Delia fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa kien sfiduċjat mill-maġġoranza tal-MPs tal-PN. 19-il membru approvaw mozzjoni ta’ sfiduċja f’Delia li ġiet imressqa minn Chris Said u Therese Comodini Cachia.