Il-President Ġermaniż jitlob lil Merkel tkompli bit-taħditiet għall-koalizzjoni

Il-Kanċellier Ġermaniż Angela Merkel iltaqgħet mal-President Frank-Walter Steinmeier fejn qaltlu li t-taħditiet ma’ partiti oħra biex tifforma koalizzjoni li tigverna l-Ġermanja intemmu ħesrem matul tmiem il-ġimgħa.
F’konferenza tal-aħbarijiet wara l-laqgħa ma’ Merkel, il-President Steinmeier qal li “l-Ġermanja qed taffaċċja sitwazzjoni li qatt ma kellha bħalha fl-aħħar 70 sena”. Fakkar lill-partiti li għandhom responsabiltà lejn dawk kollha li eleġġewhom biex jiffurmaw Gvern u għalhekk jeħtieġ li d-diskussjonijiet ikomplu.
F’kummenti lill-midja, il-kanċellier Merkel qalet li se tagħmel “dak kollu possibbli biex tassigura li l-pajjiż jitmexxa kif suppost f’dawn il-ġimgħat diffiċli”.
Jekk dawn it-taħditiet bejn il-partit demokristjan ta’ Angela Merkel ma’ partiti oħra jfallu, elezzjonijiet ġenerali ġodda mistennija li jseħħu kmieni s-sena d-dieħla.
Hekk kif tħabbar li t-taħditiet dwar koalizzjoni fil-Ġermanja fallew, numru ta’ boroż fis-swieq Ewropej irreġistraw telf. Dan minħabba li jekk Merkel ma’ tkun tmexxi l-Ġermanja bħala Kanċellier u kap tal-Gvern, se jkun diffiċli li l-Ġermanja tassigura konċessjonijiet lill-Ingilterra wara Brexit u li l-Ġermanja tissaportja l-proposti għal riformi fl-Ewropa mressqin mill-President Franċiż Emmanuel Macron.