Aġġornata bir-reazzjoni tal-PN: Il-President George Abela jipproponi tibdil għad-diskors tat-tron

Il-President ta’ Malta George Abela sostna li l-President għandu jiddistakka ruħu mill-politika u għalhekk se jkun qed jipproponi tibdil għad-diskors tat-tron, fil-bidu tal-leġislatura.

Meta kien qed jitkellem fid-diskors tradizzjonali waqt il-festa ta’ San Publiju fil-Furjana, b’referenza għad-diskors li għamel fil-ftuħ tal-Parlament, il-President George Abela sostna li se jkun qed jipproponi żewġ bidliet għad-diskors tat-tron fl-introduzzjoni tal-Parlament.

Dr Abela sostna li filwaqt li d-diskors għandu jibqa’ jsir, dan għandu jinkiteb mill-President innifsu filwaqt li jiffoka fuq ir-raġunijiet għalfejn għandu jinfetaħ il-Parlament. It-tieni bidla li semma l-President Abela hi li l-pjanijiet għal-leġislatura li jkun imiss għandhom jinqraw mill-Prim Ministru nnifsu.

Intant b’rabta ma din id-dikjarazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jitlob apoloġija dwar dan id-diskors. Il-Partit Nazzjonalista saħaq li din tkompli tikkonferma l-irresponsabbiltà tal-Prim Ministru Joseph Muscat li poġġa diskors partiggjan f’halq il-President.

Intqal li minflok fittex l-għaqda  fil-bidu ta’ leġislatura gdida, Muscat fittex li jġib il-firda u nqeda bid-diskors tal-President biex jagħmel dan.  Il-Partit Nazzjonalista iddeskrieva dan bħala aġir arroganti.

Ritratti: DOI – Reuben Piscopo