Il-President Franċiż joħloq kontroversja għax irid jaħdem mal-Knisja

Rimarki tal-President Franċiż Emanuel Macron li jrid jirranġa r-relazzjonijiet bejn l-Istat u l-Knisja, ħolqu kontroversja u qed ikun akkużat li qed ibagħbas mat-tradizzjoni antika li Franza hi pajjiż sekulari.
Il-Knisja Kattolika u l-Istat fi Franza għal sekli sħaħ ma kinux jingħarfu minn xulxin, imma r-Rivoluzzjoni tal-1789 u l-modernizzazzjoni tal-Istat fis-Seklu 19, ġabu s-separazzjoni bejniethom, permezz ta’
liġi approvata fl-1905.
Macron li għandu l-fama li jiffaċċja bir-ras kwestjonijiet diffiċli, nhar it-Tnejn f’laqgħa tal-Isqfijiet qal li jittama li jirranġa r-relazzjonijiet mal-Knisja permezz ta’ “Djalogu tal-Verità”. “President tar-Repubblika Franċiża li ma jurix interess fil-Knisja u l-Kattoliċi, ikun qed jonqos minn dmirijiet”, qal Macron.
Eks-Prim Ministru Soċjalista – Manuel Valls – li appoġġja l-kandidatura ta’ Macron għall-Presidenza s-sena li għaddiet, fuq Twitter kiteb “Is-Sekulariżmu hu Franza”.
“Is-Sekulariżmu hu l-ġojjell fil-kuruna tagħna. Dan għandu jiddefendi l-President tar-Repubblika” qal il-mexxej il-ġdid tal-Partit Soċjalista Franċiz, Oliver Faure, fi tweet ieħor.
Jean-Luc Melenchon, mexxej tal-partit xellugi France Insoumise qal li d-dikjarazzjoni ta’ Macron kienet waħda irresponsabbli. “Macron qed jiġġennen. Tal-mistħija. Wieħed jagħżel President u minflok issib qassis” kiteb fi tweet oħra Melenchon.
Il-Ministru tal-Intern Gerard Collomb, li hi responsabbli mir-relazzjonijiet tal-Gvern ma’ gruppi reliġjużi, qal li r-rimarki tal-President Macron jirriflettu l-bżonn għal għarfien spiritwali akbar u bl-ebda mod ma huma kontra t-tradizzjonijiet sekulari ta’ Franza.
“X’qal il-President hu li għall-bniedem m’hemmx biss id-dinja materjali imma hemm ukoll it-tiftix għal valuri assoluti, għall-ispiritwalità, biex isib sens għal ħajjtu.  Forsi dan hu diskors ġdid imma bl-ebda mod mhu kontra t-tradizzjoni sekularista”, sostna l-Ministru.
Stħarriġ tal-opinjoni pubblika juri li l-Franċiżi huma maqsuma kważi min-nofs bejn dawk li jemmnu u dawk li ma jemmnux u li r-rwol u l-post tar-reliġjon huma suġġetti sensittivi għall-poplu Franċiż.