Aġġornata: Le Pen tirriżenja mit-tmexxija tal-Front Nazzjonali

Il-kandidata għall-President Franċiż Marine Le Pen qalet li għalissa mhux se tibqa’ tmexxi l-Front Nazzjonali.
F’kummenti li tat lill-midja, Le Pen qalet li ma għadhiex aktar il-President tal-Front Nazzjonali iżda hija kandidata presidenzjali.
Hija qalet li dak li qed tipproponi, mhumiex proposti tal-Front Nazzjonali iżda huma tagħha.
Din l-aħbar ġiet ġurnata wara li rnexxielha tgħaddi għat-tieni fażi tal-elezzjonijiet.
Aktar kmieni l-President Franċiż François Hollande appella lill-Franċiżi sabiex ma jivvotawx lil Marine Le Pen u biex jappġġjaw lil Emmanuel Macron.
Macron u Le Pen qed itellqu flimkien għall-elezzjoni li se ssir fis-7 ta’ Mejju, wara li lbieraħ rebħu l-ewwel ronda tal-voti fl-elezzjoni Presidenzjali Franċiża.
Hollande qal li rebħa għal-lemin estrem tipperikola lill-Franza.
Anke François Fillon u Benoît Hamon qed jappellaw sabiex il-poplu jagħti l-appoġġ tiegħu lil Macron.
Kemm Macron kif ukoll Le Pen se jiddibattu flimkien fit-3 ta’ Mejju.