Awdjo: Dr George Abela medjatur bejn l-Air Malta u l-unjins … jappella għal sforz kollettiv

Il-President Emeritu George Abela kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li se jagħti sehmu fil-kumitat li se jlaqqa’ l-Air Malta mal-GWU u l-unjins l-oħra li jirrapreżentaw lill-bdoti, l-inġiniera u l-ekwipaġġ tal-ajruplani.
Dr Abela saħaq li l-importanti huwa li se jagħti sehmu mill-aħjar li jista’, "però dan irid ikun sforz kollettiv għall-aħjar tal-pajjiż, fejn kulħadd jagħti sehmu, inkluż il-politiċi, l-unjins, il-ħaddiema u l-industirjalisti biex il-kumpanija toħroġ mid-diffikultajiet tagħha".
Dr Abela qal li jħossu pożittiv li wara tnax-il sena li kien involut fl-Air Malta se jerġa’ jagħti sehmu.
Il-ħidma ta’ dan il-kumitat tinvolvi l-estensjoni, ir-revizjoni tal-ftehim kollettiv tal-erba' unjins u wkoll tal-ħaddiema li mhumiex f’unjin.
F'artiklu ppubblikkat fis-Sunday Times of Malta l-MinIstru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li Dr Abela għandu l-kredenzjali, il-kompetenza u l-esperjenza sabiex imexxi dan il-kumitat u biex jiżgura l-futur tal-Air Malta, għall-aħjar tal-ħaddiema. 
Nhar il-Ġimgħa l-Prim Ministru qal li matul din is-sena, il-Gvern se jkompli bir-riformi fosthom fl-Air Malta.